Ir-relikwi fil-Knisja tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, Valletta

Lara Zammit

San Pawl huwa meqjus bħala l-missier spiritwali tal-Maltin. Meta l-Papa Benedittu XVI żar lill-Maltin fl-2010, qal li, mir-rigali kollha li nġiebu f’dawn ix-xtut matul l-istorja ta’ pajjiżna, “ir-rigal li ġab Pawlu kien l-akbar fosthom kollha.”

In-nawfraġju tiegħu fuq Malta hi mfakkra full sena fl-10 ta’ Frar. Hu deskritt fit- Testment il-Ġdid fl-Atti 28, 1, fejn San Luqa kiteb, “sibna li l-gżira kienet tissejjaħ Melita”.

Il-faċċata tal-Knisja Kolleġġjata Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfraġju il-Belt Valletta. Ritratt: Wikimedia Commons

Il-Knisja Kolleġġjata Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfraġju, magħrufa wkoll sempliċiment bħala il-Knisja tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, hija waħda mill-eqdem knejjes tal-Belt Valletta.

Il-knisja tospita xogħlijiet artistiċi mill-isbaħ, inkluż il-pittura ta’ fuq l-altar magħmula minn Matteo Perez d’Aleccio  (1547 -1616). Fiha jinstabu wkoll pitturi ta’ Attilio Palombi u Giuseppe Calì.

L-istatwa titulari tal-injam ta’ San Pawl ġiet imnaqqxa fl-1659 minn Melchiorre Cafà, ħu Lorenzo Gafà li ddisinja l-koppla.

Apparti mix-xogħolijiet artistiċi li hemm f’din il-knisja, hemm ukoll żewġ relikwi ta’ San Pawl Appostlu.

Relikwa ta’ parti mill-għadam tal-polz tal-lemin ta’ San Pawl. Ritratt: Wikimedia Commons

Il-knisja fiha relikwa ta’ parti mill-għadam tal-polz tal-lemin ta’ San Pawl u waħda mill-erba’ pilastri tal-irħam tal-mejda li fuqha l-appostlu qatgħulu rasu meta miet b’martirju f’Ruma fis-sena 64 AD.

Relikwa ta’ parti mill-kolonna li fuqha nqatgħet ir-ras San Pawl f’Ruma. Ritratt: Wikimedia Commons

Dawn ġew mogħtija mill-Papa Piju VII fl-1818 bħala rikonoxximent tas-servizzi li ta l-kapitlu kolleġġjali waqt il-pesta tal-1813.

LURA GĦALL-FAĊĊATA