Ir-Randan joffrilna żmien ta’ rifflessjoni u interjorità

Lara Zammit

Fil-messaġġ tar-Randan tal-2011, il-Papa Benedittu XVI ħeġġeġ lill-Insara biex jużaw dal-perjodu bħala żmien ta’ rifflessjoni u meditazzjoni.

Fir-Randan, niġu mistiedna nħarsu fina nfusna u lejn il-ħajja spiritwali tagħna biex niskopru t-tajjeb u l-ħażin li hemm u nieħdu passi bien nersqu aktar qrib Alla.

Fil-messaġġ tiegħu, il-papa ħeġġiġna biex infittxu l-Kelma t’Alla fil-Vanġelu, u nużawha bħala gwida waqt il-vjaġġ tar-Randan lejn il-festa solenni tal-Għid.

“Sabiex nibdew il-mixja tagħna lejn l-Għid,” qal-Benedittu XVI, “u nippreparaw ruħna biex niċċelebraw il-Qawmien tal-Mulej – l-aktar festa ferrieħa u solenni tas-sena liturġika kollha – x’jista’ jkun iktar xieraq milli nħallu lilna nfusna niġu mmexxija mill-Kelma t-Tajba?

“Matul il-perjodu kollu tar-Randan, il-Knisja toffrilna l-Kelma t’Alla b’abbundanza partikolari.

“Billi nimmeditaw u ninternalizzaw il-Kelma biex ngħixuha kuljum, nitgħallmu forma ta’ talb prezzjuża u insostitwibbli; billi nisimgħu b’attenzjoni lil Alla, li jkompli jkellimna f’qalbna, inrawmu l-ħuġġieġa tal-fidi mibdija fil-jum tal-Magħmudija tagħna.”

Il-Papa Benedittu XVI. Ritratt: CNA

Żmien ta’ talb

Il-papa żied jgħid li dan iż-żmien tar-Randan huwa żmien ta’ talb għax b’hekk nagħmlu mezz li nsibu ħin għal Alla f’ħajjitna.

“It-talb jippermettilna niksbu kunċett aktar wiesa taż-żmien: fil-fatt, mingħajr il-perspettiva tal-eternità u t-traxxendenza, iż-żmien sempliċement jidderieġi l-passi tagħna lejn orizzont mingħajr futur.

“Minflok, meta nitolbu, insibu żmien għal Alla. Nagħmlu dan biex nidħlu f’komunjoni intima ma’ Alla […] li jiftaħna għat-tama u l-ħajja ta’ dejjem.”

Il-vjaġġ tar-Randan, qal il-papa, huwa żmien li fih aħna mistiedna nikkontemplaw il-Misteru tas-Salib, u “għandu l-għan li jirriproduċi fina ‘l-mudell tal-mewt tiegħu’ (Filippin 3:10), sabiex iwettaq konverżjoni profonda f’ħajjitna.

Randan huwa żmien biex nagħrfu d-dgħufija tagħna. Ritratt: Storyblocks.com

Nagħmlu dan “biex inkunu trasformati bl-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, bħal San Pawl fit-triq ta’ Damasku; biex inkunu nistgħu jorjentaw bis-sod l-eżistenza tagħna skont ir-rieda ta’ Alla”.

Bit-talb u l-kontemplazzjoni, jgħid il-papa, aħna nkunu meħlusin mill-egoiżmu tagħna u negħlbu r-rieda li niddominaw fuq l-oħrajn.

“Il-perjodu tar-Randan huwa żmien biex nagħrfu d-dgħufija tagħna u naċċettaw, permezz ta’ rendikont sinċier ta’ ħajjitna, il-grazzja li ġġedded fis-Sagrament tal-Penitenza, u nimxu b’determinazzjoni lejn Kristu.”

LURA GĦALL-FAĊĊATA