Illum jiġi ċċelebrat il-Ħadd tal-Ħniena Divina

via ACI Prensa

Illum, 7 ta’ April, il-Knisja tiċċelebra b’mod universali l-Ħadd tal-Ħniena Divina, imwaqqfa mill-Kongregazzjoni (illum Dikasterju) għall-Qima Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramenti fit-23 ta’ Mejju tas-sena 2000, fuq talba tal-Papa San Ġwanni Pawlu II. Minn dik is-sena, l-ewwel nhar ta’ Ħadd ta’ wara l-Irxoxt (It-Tieni Ħadd taż-Żmien tal-Għid) huwa ddedikat għall-Ħniena Divina, biex b’hekk nagħlqu l-Ottava tal-Għid.

L-għan ta’ din il-festa huwa li tilħaq il-qlub kollha bil-messaġġ li Alla huwa ħanin u jħobb lil kulħadd.

Fi Frar 1931, fi Płock fil-Polonja, Faustina Kowalska kellha viżjoni ta’ Ġesù fejn inkarigaha biex ixerred id-devozzjoni lejn il-Ħniena Divina tiegħu. Kowalska rrappurtat għadd ta’ dehriet li ddeskriviet fid-djarju tagħha tal-1934-1938, li aktar tard ippubblikat bħala l-ktieb Diary: Divine Mercy in My Soul.

Faustina Kowalska kellha viżjoni ta’ Ġesù fejn inkarigaha biex ixerred id-devozzjoni lejn il-Ħniena Divina tiegħu. Ritratt: Wikimedia Commons

Iż-żewġ temi ewlenin tad-devozzjoni huma li wieħed jafda fit-tjubija bla tarf ta’ Kristu, u li juri ħniena ma’ ħaddieħor billi jaġixxi bħala mezz għall-imħabba ta’ Alla lejhom.

“Nixtieq li l-Festa tal-Ħniena Divina tkun kenn u protezzjoni għall-erwieħ kollha, speċjalment għall-midinbin foqra,” qal Ġesù lil Santa Fawstina Kowalska.

“L-erwieħ imutu minkejja l-Passjoni qarsa tiegħi. Noffrilhom l-aħħar mejda tas-salvazzjoni, jiġifieri l-Festa tal-Ħniena tiegħi. Jekk ma tadurax il-ħniena tiegħi tmut għal dejjem,” insista Kristu lil Fawstina. Għalhekk, kull fidil għandu r-responsabbiltà li jiftaħ qalbu għall-qalb luminuża ta’ Ġesù.

Divine Mercy by Eugeniusz Kazimirowski, 1934. Ritratt: Wikimedia Commons

Il-Papa Franġisku, fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li sar fi Krakovja (il-Polonja) fl-2016, sejjaħ lil San Ġwanni Pawlu II u Santa Fawstina Kowalska ‘Appostli tal-Ħniena Divina’.

Iż-żewġ qaddisin kienu Pollakki, u għalkemm ma kinux jafu lil xulxin, kull wieħed fi żmien u kuntest tagħhom taw xhieda ta’ Alla li jilqa’ u jaħfer lill-ħlejjaq tiegħu b’imħabba.

San Ġwanni Pawlu II u l-Ħniena Divina

Il-Papa San Ġwanni Pawlu II ikkanonizza lil Santa Fawstina Kowalska fis-sena 2000. Fiċ-ċerimonja ġie stabbilit li kull sena tiġi ċċelebrata l-festa tal-Ħniena Divina fl-ewwel Ħadd ta’ wara l-Għid il-Kbir.

Kienu bosta l-isforzi tal-Papa biex ixerred din id-devozzjoni li ħadet l-għeruq f’qalbu.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II fis-16 ta’ Lulju, 1988. Ritratt: Gregorini Demetrio/Wikimedia Commons

Fl-1967, bħala Kardinal, Karol Wojtyla mexxa s-sessjoni solenni li għalqet il-proċess ta’ informazzjoni djoċesana bix-xhieda dwar il-ħajja u l-ħidma ta’ Santa Marija Faustina Kowalska.

Il-minuti ntbagħtu Ruma għall-ftuħ tal-proċess tal-kanonizzazzjoni tad-dehra tal-Ħniena Divina.

Wara li ġie elett Papa, Ġwanni Pawlu II ippresieda ċ-ċerimonji tal-beatifikazzjoni (1993) u tal-kanonizzazzjoni (2000) ta’ Santa Fawstina, li jikkoinċidu mat-tieni Ħadd tal-Għid taż-żewġ snin.

“U int, Fawstina, don ta’ Alla għal żmienna, rigal tal-art tal-Polonja lill-Knisja kollha, agħtina nipperċepixxu l-profondità tal-ħniena divina, għinna nesperjenzawha f’ħajjitna u nagħtu xhieda tagħha lil ħutna,” qal Karol Wojtyla waqt il-kanonizzazzjoni tal-kompatrijott tiegħu.

Fl-2002, stabbilixxa li “Il-Ħadd tal-Ħniena Divina” hija arrikkita b’indulġenzi.

Santa Marija Faustina Kowalska. Ritratt: Wikimedia Commons

F’dik l-istess sena, huwa siefer lejn il-Krakovja (Polonja) u f’Santwarju tal-Ħniena Divina ikkonsagra lil Ġesù tal-Ħniena Divina.

“Alla, Missier ħanin, li wriet l-mħabba tiegħek f’Ibnek Ġesù Kristu u ferrajt fuqna l-Ispirtu s-Santu, illum nafdaw fik id-destin tad-dinja u ta’ kull bniedem.” kienu wħud minn il-kliem tat-talb tiegħu.

San Ġwanni Pawlu II miet fit-2 ta’ April 2005, il-lejl ta’ qabel il-Ħadd tal-Ħniena Divina ta’ dik is-sena.

Il-Papa Benedittu XVI ibbeatifika lil Ġwanni Pawlu II fl-1 ta’ Mejju 2011, fit-tieni Ħadd tal-Għid, u l-Papa Franġisku kkanonizzah fis-27 ta’ April 2014, ukoll fil-Festa tal-Ħniena.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ispagnol jappartjeni lill-Catholic News Agency. Dan l-artiklu kien ippubblikat oriġinarjament fuq ACI Prensa.

LURA GĦALL-FAĊĊATA