Illum il-festa ta’ San Ġużepp, patrun tal-ħaddiema

via ACI Prensa

Fl-1 ta’ Mejju, il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, missier u kustodju tal-Mulej, li llum niftakruh bħala “il-Patrun tal-Ħaddiema”.

San Ġużepp, raġel tal-Verġni Marija u missier adottiv ta’ Ġesù, kien jaf sew id-dinja tax-xogħol: kien mastrudaxxa (u x’aktarx kien ukoll jaħdem fil-ġebel), u bl-għaraq tiegħu kien jipprovdi l-manteniment ta’ kuljum għad-dar tiegħu, id-dar tal-Familja Mqaddsa.

Il-Familja Mqaddsa ta’ António Vieira. Ritratt: Wikimedia Commons

Jum internazzjonali tal-ħaddiema

Il-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem taħbat mal-Jum Internazzjonali tal-Ħaddiema, imsejjaħ f’ċerti postijiet sempliċiment ‘L-Ewwel ta’ Mejju’. Din il-ġurnata tfakkar it-twaqqif tal-moviment tax-xogħol madwar id-dinja.

Il-Papa Piju XII waqqaf il-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem fl-1955, fil-preżenza ta’ grupp kbir ta’ ħaddiema miġbura fi Pjazza ta’ San Pietru fil-Vatikan.

Is-Santu Missier f’dik l-okkażjoni talab li “l-ħaddiem umli ta’ Nazaret, minbarra li joffri quddiem Alla u l-Knisja d-dinjità tal-ħaddiem manwali, ikun ukoll il-gwardjan tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom”.

Piju XII ried ukoll li l-Kustodju tas-Sagra Familja “jkun, għall-ħaddiema kollha tad-dinja, protettur speċjali quddiem Alla, u tarka għall-protezzjoni u d-difiża fit-tbatijiet u r-riskji tax-xogħol”.

Qdusija u ħidma

Min-naħa tiegħu, San Ġwanni Pawlu II, fl-enċiklika tiegħu Laborem exercens dwar ix-xogħol tal-bniedem, enfasizza li “bix-xogħol, il-bniedem mhux biss jittrasforma n-natura billi jadattaha għall-bżonnijiet tiegħu, imma pjuttost iwettaq lilu nnifsu bħala bniedem; fil-fatt, f’ċertu sens, meta jaħdem, il-bniedem ‘isir aktar bniedem’.”

B’dan il-kliem, il-Papa Pellegrin saħaq l-importanza ta’ San Ġużepp fil-qdusija tax-xogħol, jiġifieri kif il-figura tal-missier adottiv ta’ Ġesù hija ispirazzjoni, eżempju u kumpanija fit-triq li l-nimxu biex inwettqu lilna nfusna permezz tax-xogħol konkret.

Il-Familja Mqaddsa tieħu pawża mix-xogħol (1921) ta’ Gebhard Fugel. Ritratt: Wikimedia Commons

Iktar tard, waqt il-Ġublew tal-Ħaddiema tas-sena 2000, il-Papa Pollakk żied jgħid:

“Għeżież ħaddiema, negozjanti, kooperaturi, aġenti finanzjarji u negozjanti, agħqdu jdejkom, moħħok u qalbkom biex tikkontribwixxu biex tinbena soċjetà li tirrispetta lill-bniedem u xogħlu… Bniedem jiswa aktar għal dak li hu milli għal dak li għandu. Il-ġid li jsir għas-servizz ta’ ġustizzja akbar, fratellanza usa’ u ordni aktar uman fir-relazzjonijiet soċjali jgħodd aktar minn kull tip ta’ progress fil-qasam tekniku.”

San Ġużepp, interċessur qawwi fid-diffikultajiet tax-xogħol, huwa mudell u ispirazzjoni għal kull bniedem li jixtieq jassumi l-ħidma minn perspettiva spiritwali. F’dan is-sens, ix-xogħol irid ikun dejjem attività awtentikament umana, li tipprovdi sodisfazzjon lill-qalb tal-bniedem u mhux biss mezz biex nipproduċu “l-affarijiet”.

Mingħajr it-tifsira spiritwali tiegħu, ix-xogħol isir okkażjoni għal skjavitù, strumentalizzazzjoni jew manipulazzjoni. Għalhekk, bħal San Ġużepp, kull persuna li taħdem jew tagħti xogħol trid tħares lejn is-sema. Huwa Alla li jinkuruna kull sforz fit-tfittxija tal-ġid komuni u l-milja tal-ħajja tal-bniedem.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ispagnol jappartjeni lill-Catholic News Agency. Dan l-artiklu kien ippubblikat oriġinarjament fuq ACI Prensa.

LURA GĦALL-FAĊĊATA