Il-Vatikan jiżvela l-Lanza Mqaddsa: ġieħ lis-suldat tal-fidi San Lonġinu

Jacob Stein via Catholic News Agency

Il-Lanza Mqaddsa, magħrufa ukoll bħala l-Lanzja ta’ Lonġinu, għandha post sinifikanti fit-tradizzjoni Nisranija peress li l-arma hi maħsuba li nifset il-ġenb ta’ Ġesù waqt li kien imsallab.

It-tradizzjoni tgħid li l-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan għandha l-kustodja ta’ relikwa li hija parti mill-Lanza Mqaddsa.

L-Evanġelju ta’ San Ġwann jipprovdi l-unika referenza biblika għal din il-ġrajja, billi jirrakkonta li suldat Ruman jismu Longinus (Lonġinu), lejlet is-Sibt, assigura l-mewt ta’ Ġesù billi nifedlu l-kustad b’lanza. Dan l-att, kif deskritt f’Ġwanni 19, vers 34, qanqal sekli ta’ riverenza madwar l-Ewropa u ġewwa l-Vatikan.

Il-ministri jimxu lejn l-artal maġġur, bl-istatwa ta’ San Lonġinu fl-isfond, fl-24 ta’ Frar. Ritratt: Daniel Ibáñez/EWTN Vatikan/CNA

Suldat tal-fidi

L-istorja ta’ San Lonġinu evolviet f’diversi leġġendi lokali, li kkontribwew għall-xenarju għani fi ħdan il-Kristjaneżmu. Il-belt ta’ Lanciano fir-reġjun tal-Abruzzo tafferma lilha nnifisha bħala l-post fejn twieled, billi ssostni li l-martirju tiegħu seħħ hemmhekk. Bil-maqlub, Mantua fil-Lombardija ssostni li Lonġinu ppriedka fl-inħawi u miet martri hemmhekk, fejn ġab fdalijiet tad-demm prezzjuż tal-Mulej u l-isponża użata waqt il-Passjoni li issa jistabu fil-Bażilika ta’ Sant’Andrija tal-belt.

Ir-rakkonti differenti madwar San Lonġinu jenfasizzaw id-devozzjoni mifruxa u l-impatt tal-emejjel tiegħu mniżżla fl-Evanġelju ta’ San Ġwann u f’leġġendi li jmorru lil hinn mit-tradizzjoni skritturali.

Statwa ta’ San Lonġinu ta’ Bernini, li tlestiet fis-sena 1638, tinsab fil-Bażilika ta’ San Pietru. Ritratt: Daniel Ibáñez/EWTN Vatikan/CNA

Tifkira liturġika

Il-festa ta’ San Lonġinu kienet storikament iċċelebrata fil-15 ta’ Marzu. Il-Martiroloġju Ruman, iżda, isemmi l-qaddis fis-16 ta’ Ottubru mingħajr ma jissemma l-martirju tiegħu. L-artiklu dwarju jgħid: “F’Ġerusalemm, it-tifkira ta’ San Lonġinu, li hu meqjum bħala s-suldat li fetaħ il-ġenb tal-Mulej imsallab b’lanza.”

Ġewwa l-Vatikan l-istatwa ta’ San Lonġinu, skolpita minn Gian Lorenzo Bernini u li tinsab fil-Bażilika ta’ San Pietru, hija xhieda tar-rwol tiegħu fl-istorja Nisranija. L-istatwa hija waħda minn erba’ statwi li jinsabu fin-niċeċ tal-pilastri li jsostnu l-koppla ta’ Michelangelo.

Fil-Vatikan, issir ċerimonja speċjali fil-Bażilika ta’ San Pietru matul l-ewwel ġimgħa tar-Randan. Lejlet it-tieni Ħadd tar-Randan – din is-sena fl-24 ta’ Frar – il-kanonċi tal-Bażilika ta’ San Pietru jiltaqgħu mal-arċipriet tal-bażilika, bħalissa Monsinjur Mauro Gambetti, u mas-saċerdoti konċelebranti u l-ministri l-oħra, u jimxu lejn l-artal maġġur, bħalissa taħt restawr, li jimmarka l-qabar ta’ San Pietru. F’riġlejn l-artal jiltaqgħu mal-fidili, li qed jistennew li tibda l-liturġija.

Kollha jinġabru f’riġlejn l-artal maġġur biex tibda l-liturġija. Ritratt: Daniel Ibáñez/EWTN Vatikan/CNA

Iċ-ċelebrant jibda bit-talb tal-ftuħ u jinċensa s-salib tal-purċissjoni. Il-kor ikanta l-Litanija tal-Qaddisin sal-intonazzjoni ta’ “San Pietru, itlob għalina” – kantata tliet darbiet f’ġieħ “l-istazzjon,” li tinżamm f’dan il-jum fir-Randan. (Kull jum matul ir-Randan, il-Knisja lokali ta’ Ruma tagħmel pellegrinaġġ għal qabar differenti ta’ martri, imsejjaħ itinerarju pellegrin tal-Knisja tal-Istazzjon Ruman.)

Wara t-tielet intonazzjoni lil San Pietru, il-qaddejja tal-artal imexxu l-purċissjoni. Warajhom jimxu s-saċerdoti konċelebranti, il-kanonċi u ċ-ċelebrant. Dawk preżenti, is-sorijiet u l-fidili, jingħaqdu fil-purċissjoni, u jkomplu jkantaw il-Litanija tal-Qaddisin.

Ministru jmexxi l-purċissjoni filwaqt li kollha jkantaw il-Litanija tal-Qaddisin fejn l-istatwa ta’ San Lonġinu ta’ Bernini. Ritratt: Daniel Ibáñez/EWTN Vatikan/CNA

Purċissjoni oħra

Wara l-quddiesa, iseħħ mument speċjali hekk kif il-ministri jinġabru madwar l-artal maġġur waqt li l-kor ikanta “s-Stabat Mater”. L-antifona li ġejja titkanta ukoll bil-Latin: “Unus militum lancea latus eius aperuit et continuo exivit sanguis et aqua,” li t-traduzzjoni tagħha hija: “Wieħed mis-suldati fetaħ ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma.”

Minħabba l-ħidma li qed issir bħalissa fuq il-baldakkin ta’ San Pietru, il-purċissjoni din is-sena tkompli madwar il-baldakkin tal-artal u tieqaf quddiem l-istatwa ta’ Sant’Andrija. Issir talba mill-kanonku li jkun wasal biex jikxef ir-relikwa tal-Lanza Mqaddsa.

L-Ewkaristija waqt il-quddiesa tal-24 ta’ Frar. Ritratt: Daniel Ibáñez/EWTN Vatikan/CNA

Il-qniepen jibdew idoqqu. Bil-mod, tliet kanonċi joħorġu mill-kappella għal fuq il-loġġa, u wieħed bl-ingwanti ħomor iġorr ir-relikwa tal-lanza ta’ San Lonġinu. Il-kanonku, akkumpanjat mit-tnejn l-oħra, jipproċedi biex juri r-relikwa għall-qima ta’ dawk preżenti.

Il-qniepen jindaqqu għal darba oħra hekk kif ir-relikwa tmur lura fil-kappella tagħha – fl-aħħar, il-ministri tal-quddiesa jgħaddu għas-sagristija tal-bażilika. B’hekk issir il-liturġija tal-istazzjon.

Skiet fil-Bażilika ta’ San Pietru hekk kif kollha jħarsu ’l fuq biex jaraw ir-relikwa tal-Lanza Imqaddsa. Ritratt: Daniel Ibáñez/EWTN Vatikan/CNA

Eżempju tar-Randan

Skont it-tradizzjoni, Lonġinu mhux biss ra l-kurċifissjoni imma ukoll tfejjaq minn mard tal-għajnejn bid-demm li ħareġ mill-kustad ta’ Ġesù. Jingħad ukoll li hu ċ-ċenturjun li qal: “Tassew, dan ir-raġel kien Bin Alla” (Matt 27,54).

Fit-tapizzerija kkomplikata tat-tradizzjoni Rumana, il-Lanza Mqaddsa u l-figura ta’ San Lonġinu jidhru bħala simboli ta’ devozzjoni, sagrifiċċju u fejqan. Ir-referenza biblika fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, flimkien ma’ sekli ta’ venerazzjoni, jifformaw n-nisġa stess tal-esperjenza tar-Randan fil-Knisja lokali tad-Djoċesi ta’ Ruma u l-ispiritwalità tal-Bażilika ta’ San Pietru.

Ir-relikwa tintwera miċ-ċentru tal-loggia, imbagħad lejn ix-xellug u l-lemin tagħha, u lura lejn iċ-ċentru fl-24 ta’ Frar. Ritratt: Daniel Ibáñez/EWTN Vatikan/CNA

Il-Lanza Mqaddsa tkompli taħsad il-qlub u l-imħuħ u tistieden lil dawk li jemmnu biex jikkontemplaw is-sinifikat profond tas-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-salib u jgħidu ma’ San Lonġinu: “Tassew, dan ir-raġel kien Bin Alla.”

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. Dan l-artiklu kien oriġinarjament ippubblikat fl-EWTN Vatikan sieħeb tas-CNA.

LURA GĦALL-FAĊĊATA