Il-qanpiena Olimpika mogħtija lill-Katidral ta’ Notre Dame

Francesca Pollio Fenton via Catholic News Agency

Qanpiena li saret għall-Olimpjadi reċenti ta’ Pariġi dalwaqt se ssib dar ġdida f’wieħed mill-aktar katidrali storiċi fid-dinja, skont OSV News.

Waqt l-Olimpjadi, l-atleti tat-track and field daqqew il-qanpiena tal-bronż fi Stade de France ta’ Saint-Denis u issa dik l-istess qanpiena ser iddoqq waqt il-quddies meta l-Katidral ta’ Notre Dame jerġa’ jiftaħ f’Diċembru.

Il-qanpiena, li tiżen madwar 500 kilogramma, saret mill-funderija Cornille Havard, li tipproduċi qniepen għall-akbar knejjes u katidrali ta’ Franza, speċifikament għal-Logħob Olimpiku. Il-funderija tinsab fil-komun żgħir Franċiż ta’ Villedieu-les-Poêles fin-Normandija.

Fl-2013, il-funderija Cornille Havard għamlet disa’ qniepen ġodda għal Notre Dame għall-okkażjoni tat-850 anniversarju tagħha. Kienet din il-funderija li rrestawrat ukoll tmienja minn dawn id-disa’ qniepen wara li ġarrbu ħsarat fin-nar traġiku ta’ Notre Dame fil-15 ta’ April, 2019.

“Ġejna kkuntattjati ftit xhur ilu mill-Kumitat Organizzattiv ta’ Pariġi, biex naraw jekk inkunux interessati f’din il-qanpiena għal Notre Dame,” qal ir-rettur-arċipriet tal-katidral Patri Olivier Ribadeau Dumas, skont OSV News. “U aċċettajna din il-proposta.”

Il-Qanpiena Olimpika se tingħaqad ma’ żewġ qniepen oħra ġewwa l-katidral qrib l-orgni. It-tliet qniepen se jdoqqu flimkien waqt il-Quddiesa fil-ħin tal-konsagrazzjoni.

L-akbar qanpiena ta’ Notre Dame hija magħrufa bħala “le bourdon Emmanuel” u tinsab fit-torri tan-nofsinhar. Li tmur lura għal żmien ir-Re Louis XIV fl-aħħar tas-seklu 17, il-qanpiena ddoqq għal avvenimenti storiċi bħat-tmiem taż-żewġ Gwerer Dinjija. Din il-qanpiena ma ġietx affettwata min-nirien tal-2019 u għadha tindaqq għal okkażjonijiet speċjali.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

LURA GĦALL-FAĊĊATA