Il-President ta’ Malta tagħti lill-Papa apparat ta’ fiżjoterapija għal nies bla dar

Victoria Cardiel via Catholic News Agency

Il-president ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, tat lill-Papa Franġisku tagħmir għall-fiżjoterapija, maħsuba għal nies bla dar, waqt l-udjenza li kellhom fil-Vatikan fl-24 ta’ Jannar.

“It-tagħmir se jippermetti li jsiru trattamenti ta’ fiżjoterapija u riabilitazzjoni fiżika fuq persuni bla dar,” irrapporta l-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan fi stqarrija.

L-għan ta’ din it-terapija huwa “li tnaqqas l-infjammazzjoni u l-uġigħ fid-disturbi muskoloskeletali ewlenin, li huma komuni ħafna f’dawn in-nies minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħhom”, żied jgħid. 

Il-makkinarju se jkun iddestinat għall-Ambulatorju tad-Dipartiment tas-Servizz tal-Karità, immexxi mill-Kardinal Konrad Krajewski, prefett tad-Dikasteru għall-Karità.

Fil-laqgħa, li damet 30 minuta, il-kap tal-istat Malti tat ukoll basket ta’ prodotti tipiċi minn Malta lill-Papa. 

Il-kap tal-istat Malti tat ukoll basket ta’ prodotti tipiċi minn pajjiżha lill-Missier. Kreditu: Media tal-Vatikan
Il-kap tal-istat Malti tat ukoll basket ta’ prodotti tipiċi minn pajjiżha lill-papa. Kreditu: Media tal-Vatikan

Spiteri Debono waslet il-Librerija Appostolika tal-Vatikan fit-8:55am (ħin lokali) u, minbarra s-Santu Missier, iltaqgħet wkoll mas-Segretarju għar-Relazzjonijiet mal-Istati u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali tal-Vatikan, Mons Paul Richard Gallagher.

Min-naħa tiegħu, il-Pontifika ppreżenta lill-kap tal-istat skultura tat-terrakotta bit-titlu “Tenerezza u Mħabba,” minbarra l-Messaġġ tal-Paċi ta’ din is-sena u dokumenti oħra papali.

Fil-kuntest tal-laqgħat fil-Vatikan, ġew indirizzati diversi kwistjonijiet ta’ rilevanza internazzjonali, “b’attenzjoni speċjali għas-sitwazzjoni fir-reġjun tal-Mediterran, il-kunflitti fl-Iżrael u l-Palestina, il-kriżi fl-Ukrajna, kif ukoll l-isfidi relatati mal-migrazzjoni”, indikat l-istqarrija mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan. 

Barra minn hekk, “kien enfasizzat l-apprezzament reċiproku għar-relazzjonijiet bilaterali sodi bejn is-Santa Sede u Malta, li ġie affermat mill-ġdid l-impenn biex tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni f’oqsma ta’ interess komuni”.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ispagnol jappartjeni lill-Catholic News Agency. Dan l-artiklu kien ippubblikat oriġinarjament fuq ACI Prensa. Ritratti kollha via Catholic News Agency Access for Editors

LURA GĦALL-FAĊĊATA