Il-pavaljun tal-Vatikan fil-Biennale ta’ Venezja jistedinna nżuru lil ħabsin

Courtney Mares via Catholic News Agency

Li nżuru l-ħabsin hija waħda mill-opri tal-ħniena tal-Knisja Kattolika li oriġinat mill-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Mattew, kapitlu 25 vers 36: “kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.”

Il-viżitaturi kollha tal-pavaljun tal-Vatikan fil-Biennale ta’ Venezja tal-2024 se jieħdu sehem f’din it-tradizzjoni Kattolika billi jidħlu f’ħabs tan-nisa fil-gżira ta’ Giudecca, Venezja, fejn il-ħabsin se jkollhom rwol attiv fil-wirja ta’ xogħlijiet ta’ disa’ artisti professjonali.

Mal-wasla, il-viżitaturi fil-pavaljun tal-Vatikan bit-titlu With My Own Eyes (B’Għajnejja) se jkunu sfurzati jħallu l-mowbajls u l-karti tal-identità tagħhom mal-bieb, skont il-protokolli ta’ sigurtà tipiċi għall-membri tal-familja li jżuru l-priġunieri.

Chiara Parisi, waħda mill-kuraturi tal-pavaljun tal-Vatikan, spjegat li benefiċċju ieħor li l-viżitaturi jkollhom iċedu l-mowbajls tagħhom huwa li n-nies se jkunu sfurzati “jinħallu minn dan l-istrument li permezz tiegħu huma mdorrijin iħarsu lejn ir-realtà ta’ madwarhom” u b’hekk jaraw l-arti “b’għajnejhom”.

Il-Papa Franġisku f’April se jsir l-ewwel papa li jżur il-wirja prestiġjuża tal-arti Biennale ta’ Venezja nhar il-Ħadd, 28 ta’ April. Ritratt: Dominju pubbliku

Għall-Kardinal José Tolentino de Mendonça, il-prefett tad-Dikasteru tal-Vatikan għall-Kultura u l-Edukazzjoni li qed jissorvelja l-pavaljun, l-idea li tiġi organizzata wirja tal-arti f’ħabs kienet parzjalment ispirata mill-ħafna voluntiera Kattoliċi li diġà qed jaqdu fil-ministeru tal-ħabs.

Ġie ispirat ukoll mill-messaġġ lill-artisti tal-Papa Franġisku, li ħeġġeġ lill-artisti jieħdu temi bħal “id-difiża tal-ħajja umana, il-ġustizzja soċjali u impenn lejn il-foqra” biex jindirizzaw ir-responsabbiltà soċjali tal-arti.

“Mhux b’kumbinazzjoni li t-titlu tal-pavaljun irid jiffoka l-attenzjoni tagħna fuq l-importanza ta’ kif, b’mod responsabbli, nikkonċepixxu, nesprimu u nibnu l-koeżistenza soċjali, kulturali u spiritwali tagħna,” qal il-Kardinal f’konferenza stampa tal-Vatikan fil-11 ta’ Marzu.

“Aħna ngħixu f’era mmarkata mill-predominanza diġitali u t-trijonf tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni, li jipproponu ħarsa umana dejjem aktar differita u indiretta, b’riskju li tibqa’ maqlugħa mir-realtà nnifisha,” qal.

Il-Papa Franġisku jaħsel saqajn 12-il żagħżugħ u żagħżugħa ħabsin fiċ-ċentru ta’ detenzjoni tal-minorenni Casal del Marmo fil-periferija ta’ Ruma, waqt quddiesa nhar il-Ħamis, 6 t’April, 2023. Ritratt: Vatican Media/CNA

Il-Papa Franġisku f’April se jsir l-ewwel papa li jżur il-wirja prestiġjuża tal-arti Biennale ta’ Venezja nhar il-Ħadd, 28 ta’ April.

Il-Kardinal fakkar kif meta stieden għall-ewwel darba lill-Papa Franġisku biex iżur il-pavaljun tal-Vatikan fil-ħabs tan-nisa, il-papa wieġeb bis-solitu sens ta’ umoriżmu tiegħu li din kienet xi ħaġa li kellu bżonn imur jara “b’għajnejh,” hu u jagħmel ċajta dwar il-titolu tal-pavaljun.

Il-Biennale tal-Arti tal-2024 u l-Pavaljun tas-Santa Sede tagħha se jkunu miftuħa għall-pubbliku mill-20 ta’ April sal-24 ta’ Novembru. Kull min jixtieq iżur il-pavaljun tal-Vatikan irid jirreġistra online għal dawra gwidata tal-ħabs.

Il-Papa Franġisku se jżur ukoll ħabs tan-nisa f’Ruma matul il-Ġimgħa Mqaddsa din is-sena. Il-papa għamilha tradizzjoni kważi annwali mill-elezzjoni tiegħu fl-2013 li jmexxi l-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka ġewwa ħabs u li jaħsel saqajn il-ħabsin.

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA