Il-Papa ma jattendix il-Via Crucis filwaqt li ntallbu l-meditazzjonijiet tiegħu

Matthew Santucci via Catholic News Agency

F’deċiżjoni apparenti tal-aħħar minuta, il-Papa Franġisku qabeż iċ-ċerimonja tal-Via Crucis li saret fil-Kolossew ta’ Ruma nhar il-Ġimgħa biex iħares saħħtu qabel il-liturgiji tal-llum, Sibt il-Għid, u għada l-Għid il-Kbir.

“Biex jikkonserva saħħtu fid-dawl tal-Velja ta’ għada u l-Quddiesa tal-Għid il-Kbir, il-Papa Franġisku se jsegwi l-Via Crucis fil-Kolossew illejla minn Casa Santa Marta,” qalet stqarrija mill-Istampa tas-Santa Sede.

L-aħbar waslet eżatt kif l-avveniment kien skedat li jibda, fejn żewġt irġiel dehru jġorru s-siġġu papali, fejn is-sindku ta’ Ruma Roberto Gualtierei deher wieqaf fl-isfond. Aktar kmieni matul il-ġurnata, il-Papa Franġisku mexxa l-Liturġija tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Bażilika ta’ San Pietru.

Żewġt irġiel dehru jerfgħu s-siġġu papali, wara bidla apparenti fl-aħħar minuta li fiha l-Papa Franġisku ddeċieda ma jattendix il-Via Crucis biex “jikkonserva saħħtu” qabel il-liturgiji tal-Għid fid-29 ta’ Marzu. Ritratt: Daniel Ibañez/CNA

Din hija t-tieni sena konsekuttiva li l-ponti li issa għandu 87 sena qabeż iċ-ċerimonja.

L-istazzjonijiet tas-salib bdew fil-pront fid-9.15pm, bil-kumplament tal-programm mhux mibdul. Huwa stmat li kien hemm madwar 25,000 ruħ fl-attendenza, skont l-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede.

B’kuntrast qawwi mas-sema skur ta’ Ruma bil-lejl, il-Kolossew kien imdawwal b’mod drammatiku minn sensiela ta’ xemgħat, filwaqt li l-fdalijiet ta’ maġenb il-Forum Ruman telgħu ’l fuq taħt il-fanali.

Il-meditazzjonijiet tal-Papa

Il-meditazzjonijiet ta’ din is-sena kienu miktuba mill-Papa Franġisku għall-ewwel darba fil-pontifikat tiegħu, u kienu bbażati fuq it-tema “Fit-Talb ma’ Ġesù fit-Triq tas-Salib,” bil-medjazzjoni ta’ kull stazzjon iċċentrata fuq l-esperjenza ta’ Ġesù, li l-Papa rabat magħhom kwistjonijiet kontemporanji u l-isfidi ta’ kuljum tal-ħajja.

Is-salib inġarr minn individwi differenti, filwaqt li l-Kardinal Angelo De Donatis (Vigarju tal-Papa għad-Djoċesi ta’ Ruma), u diversi prelati oħra, segwew mill-qrib warajh. Ritratt: Daniel Ibañez/CNA

“Ġesù, int il-ħajja stess, u issa int ikkundannat għall-mewt. Int il-verità nnifisha, u issa ġejt mqiegħed quddiem ġuri falz,” taqra r-riflessjoni tal-Papa għall-ewwel stazzjon tas-salib.

“Madankollu dak is-silenzju huwa mimli ħajja: huwa talb, ħlewwa, maħfra; huwa mezz biex tifdi l-ħażen, mezz biex tikkonverti l-passjoni tiegħek f’rigal ta’ sagrifiċċju.”

Waqt li kien mmexxi madwar l-intern tal-anfiteatru ellittiku tal-Kolossew fil-purċissjoni solenni, is-salib inġarr minn individwi differenti, filwaqt li l-Kardinal Angelo De Donatis (il-Vigarju tal-Papa għad-Djoċesi ta’ Ruma), u diversi prelati oħra, segwew mill-qrib warajhom.

Fit-tieni stazzjon, il-meditazzjoni, indirizzata lil Kristu, qalet: “Tridna npoġġu fuq spallejk il-problemi u l-bżonnijiet tagħna kollha, għax tridna nsibu fik il-libertà u l-imħabba. Grazzi, Ġesù. Ngħaqqad is-salib tiegħi ma’ tiegħek, inġiblek l-għejja u l-ħsibijiet tiegħi, nitfa’ fuqek kull piż ta’ qalbi.”

“Fil-vulnerabbiltà tiegħek, int urejtna t-trijonf tal-imħabba tiegħek. Int tgħallimna li l-imħabba tfisser li nilħqu lil dawk li jistgħu jistħu jitolbu l-għajnuna tagħna. B’dan il-mod, id-djufija ssir opportunità ta’ tkabbir,” qalet il-meditazzjoni tal-Papa, hekk kif is-salib inġarr minn mara b’diżabilità.

Il-meditazzjonijiet ta’ din is-sena nkitbu mill-Papa Franġisku, l-ewwel darba fil-pontifikat tiegħu fid-29 ta’ Marzu. Ritratt: Daniel Ibañez/CNA

“Għallimni narak f’dawk li jbagħtu”

F’mument wieħed partikolarment evokattiv, fid-disa’ stazzjon, is-salib inġarr minn grupp ta’ migranti, filwaqt li l-meditazzjoni tal-Papa rabtet it-taqbida tagħhom, u l-aljenazzjoni soċjali, ma’ dik ta’ Ġesù.

“Int Ġesù ukoll mort il-ħabs; int ukoll kont barrani, immexxi barra l-belt biex tiġi msallab. Int ukoll kont għarwien, imqaxxar minn ħwejjġek. Int ukoll kont marid u midrub; fuq is-salib, int ukoll kont bil-għatx u bil-ġuħ għall-imħabba. Għallimni narak f’dawk li jbagħtu, għax int qiegħed hemm, u f’dawk imneħħa mid-dinjità tagħhom, imnaqqsa minħabba fl-arroganza, l-inġustizzja u l-qawwa ta’ dawk li jisfruttaw lill-foqra fost l-indifferenza ġenerali.”

Iċ-ċerimonja ntemmet barra l-Kolossew, meta l-Kardinal De Donatis wassal il-barka finali u l-Invokazzjonijiet lill-Isem Imqaddes ta’ Ġesù. It-talba ta’ 15-il strofa ntemmet b’mod sempliċi, iżda b’mod qawwi: “Ġesù, ħallini ngħidlek l-aħħar kelma, u ngħidha għal darb’oħra: Grazzi! Grazzi, Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA