Il-Papa Ljun XIV jirritorna l-Vatikan wara aktar minn ġimagħtejn f’Castel Gandolfo

Victoria Cardiel via Catholic News Agency

Il-Papa Ljun XIV irritorna l-Vatikan fit-22 ta’ Lulju għall-ħabta tad-9pm ħin lokali wara li qatta’ aktar minn ġimagħtejn fir-residenza papali f’Castel Gandolfo. L-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede kkonferma uffiċjalment l-aħbar lil ACI Prensa, is-sieħeb tal-aħbarijiet bl-Ispanjol tas-CNA, fit-23 ta’ Lulju.

Il-pontifex qatta’ perjodu ta’ mistrieħ — bejn is-6 u t-22 ta’ Lulju — fil-belt Taljana madwar 24 kilometru minn Ruma fuq ix-xatt tal-Lag Albano. Minbarra l-mistrieħ, il-Qdusija Tiegħu wettaq ukoll diversi impenji appostoliċi.

Wieħed mill-aktar avvenimenti sinifikanti kien il-laqgħa privata li saret fid-9 ta’ Lulju mal-President Ukren Volodymyr Zelenskyy , li għamel vjaġġ speċjali lejn Castel Gandolfo biex jiltaqa’ mal-Papa. Matul il-laqgħa — li saret fil-kuntest tar-raba’ Laqgħa Internazzjonali dwar ir-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna, li saret fil-kapitali Taljana fl-10 u l-11 ta’ Lulju — iddiskutew is-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż u r-rwol tas-Santa Sede bħala medjatur possibbli fil-kunflitt. Din kienet l-ewwel darba li president barrani ntlaqa’ minn Papa f’din ir-residenza minn żmien il-pontifikat ta’ Benedittu XVI.

Dakinhar stess, il-Papa ċċelebra Quddiesa fil-ġonna ta’ Castel Gandolfo bl-użu tal- liturġija li għadha kif ġiet approvata biex jippromwovi kuxjenza ekoloġika globali “għall-kura tal-ħolqien.”

Il-Papa Ljun XIV ħa wkoll l-opportunità biex jistrieħ, jitlob, u jaħdem fuq xi testi personali.

Ir-ritorn tal-pontifex f’Ruma jikkoinċidi mat-tħejjijiet finali għall-Ġublew taż-Żgħażagħ , li se jibda fit-28 ta’ Lulju bħala parti mis-Sena Ġubilari tat-Tama tal-2025.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. Ritratti kollha via Catholic News Agency Access for Editors.

LURA GĦALL-FAĊĊATA