Hannah Brockhaus via Catholic News Agency
Il-Papa Ljun XIV nhar il-Ħadd bierek liċ-ċiklisti tal-Giro d’Italia qabel l-aħħar tappa tat-tellieqa internazzjonali b’ħafna stadji, u qalilhom li huma lkoll milqugħa fil-Knisja Kattolika.
Meta indirizza lill-159 ċiklist fi pjazza eżatt ġewwa l-Belt tal-Vatikan, il-Papa qal bl-Ingliż: “Jalla Alla jbierekkom ilkoll f’din l-aħħar parti tal-Giro d’Italia. Prosit lilkom ilkoll, u jalla tkunu tafu li intom dejjem milqugħa hawn fil-Vatikan, intom dejjem milqugħa mill-Knisja, li tirrappreżenta l-imħabba t’Alla għan-nies kollha.”

F’diskors qasir bit-Taljan, Ljun faħħar iċ-ċikliżmu bħala sport importanti, filwaqt li fakkar lill-atleti ta’ klassi dinjija li huma mudelli għal ħafna żgħażagħ.
“U nittama li, bħalma tgħallimtu tieħdu ħsieb il-ġisem, l-ispirtu wkoll ikun dejjem imbierek, u li dejjem tkunu attenti għall-bniedem kollu kemm hu: ġisem, moħħ u spirtu,” żied jgħid.

It-tellieqa professjonali, li bdiet fl-Albanija fid-9 ta’ Mejju, hija fost it-tliet tlielaq internazzjonali l-aktar importanti b’ħafna stadji fid-dinja, flimkien mat-Tour de France u l-Vuelta a Espana. Din tinkludi 21 stadju, l-aktar fl-Italja.
L-aħħar tappa tal-108 edizzjoni tat-tellieqa saret fl-1 ta’ Ġunju, bdiet mill-Banjijiet ta’ Caracalla, eżatt fin-nofsinhar tal-Coliseum, u kompliet lejn il-Vatikan.

Ir-rikba mhux kompetittiva ta’ 1.8 mili minn ġol-Vatikan bdiet minn Pjazza Petriano, eżatt fin-nofsinhar tal-Bażilika ta’ San Pietru ġewwa l-belt stat, fejn il-Papa Ljun XIV sellem lill-atleti fil-linja tal-bidu.

Iċ-ċiklisti mbagħad segwew is-swar tal-Vatikan minn ħdejn il-bażilika biex telgħu lejn il-Ġonna tal-Vatikan u waslu fil-ħeliport, l-ogħla punt tal-punent tat-territorju.
It-tlielaq imbagħad ipdalaw minn ġo spazju aħdar imżejjen b’xbihat Marjani, inkluża replika tal-grotta ta’ Lourdes u mużajk tal-Madonna tal-Kunsill it-Tajjeb — devozzjoni favorita tal-Papa Ljun.

Wara li niżlu lejn il-Mużewijiet tal-Vatikan u l-“Ġnien Kwadrat,” iċ-ċiklisti daru lura tul in-naħa ta’ wara tal-Bażilika ta’ San Pietru biex ħarġu minn bieb tal-ġenb fin-naħa t’isfel tal-Belt tal-Vatikan.
Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. Ritratti kollha via Catholic News Agency Access for Editors.