Walter Sánchez Silva via Catholic News Agency
Il-Papa Ljun XIV fakkar fil-ħajja u l-legat tal-Kardinal Pectore Iuliu Hossu, isqof Kattoliku Grieg Rumen, “ragħaj u martri tal-fidi matul il-persekuzzjoni komunista fir-Rumanija,” li ġie mfakkar nhar it-Tnejn fil-Vatikan u li salva eluf ta’ Lhud mill-mewt matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
“Inġbarna llum fil-Kappella Sistina biex infakkru, fis-sena ġubilewarja ddedikata lit-tama, appostlu tat-tama: il-Beatu Kardinal Iuliu Hossu, isqof Kattoliku Grieg ta’ Cluj-Gherla,” qal il-Qdusija Tiegħu fil-bidu tad-diskors tiegħu fiċ-ċerimonja ta’ tifkira għall-kardinal, li miet 55 sena ilu fit-28 ta’ Mejju 1970.
“Illum,” kompla l-Papa Ljun, “jidħol f’din il-kappella wara li San Pawlu VI, fit-28 ta’ April 1969, ħatru kardinal in pectore (b’mod sigriet) waqt li kien il-ħabs minħabba l-fedeltà tiegħu lejn il-Knisja ta’ Ruma.”
Il-ħatra ta’ Hossu bħala kardinal ma kinitx magħrufa qabel l-1973, tliet snin wara l-mewt tal-kardinal in pectore, skont Vatican News.
Skont il-Catholic Encyclopedia, il-Papa jista’ joħloq kardinal in pectore, nominazzjoni magħrufa biss minnu u mill-kardinal. Huwa ma jiksibx id-drittijiet ta’ kardinal sakemm ma jitħabbarx pubblikament. Jekk il-Papa jmut qabel ma dan ikun magħruf, ma jsirx membru tal-Kulleġġ tal-Kardinali.

‘Ġusti fost il-ġnus’
Fir-rimarki tiegħu, Ljun XIV enfasizza li din is-sena l-kardinal huwa mfakkar b’mod speċjali, peress li huwa “simbolu ta’ fraternità li tittraxxendi kwalunkwe fruntiera etnika jew reliġjuża. Il-proċess ta’ rikonoxximent tiegħu bħala ‘ Ġust fost il-Ġnus ‘, li beda fl-2022, huwa bbażat fuq l-impenn kuraġġuż tiegħu li jappoġġja u jsalva l-Lhud tat-Tramuntana tat-Transilvanja meta, bejn l-1940 u l-1944, in-Nazi implimentaw il-pjan traġiku li jiddeportawhom lejn il-kampijiet tal-isterminazzjoni.”
It-titlu ta’ “Ġusti Fost il-Ġnus” jingħata miċ-Ċentru ta’ Tifkira tal-Olokawst Yad Vashem f’Ġerusalemm lil persuni mhux Lhud li rriskjaw ħajjithom biex isalvaw lil-Lhud mill-isterminazzjoni minn idejn in-Nazi.
Azzjoni quddiem id-‘dlam tat-tbatija’
Imbagħad Ljun XIV fakkar silta minn ittra pastorali tal-1944 miktuba mill-imbierek martri li fiha stqarr: “L-appell tagħna huwa indirizzat lilkom ilkoll, ħuti venerabbli u wlied għeżież, biex tgħinu lil-Lhud mhux biss bil-ħsibijiet tagħkom iżda wkoll bis-sagrifiċċju tagħkom, konxji li llum ma nistgħux inwettqu l-ebda xogħol aktar nobbli minn din l-għajnuna Nisranija u Rumena, imwielda minn karità umana ħerqana. L-ewwel tħassib tal-mument preżenti għandu jkun dan ix-xogħol ta’ għajnuna.”
“Il-Kardinal Hossu, bejn l-1940 u l-1944, ikkontribwixxa biex isalva eluf ta’ Lhud mill-mewt fit-Tramuntana tat-Transilvanja. It-tama tar-ragħaj il-kbir kienet dik tar-raġel fidil, li jaf li l-bibien tal-ħażen mhux se jegħlbu l-ħidma ta’ Alla,” kompla l-Papa.
Wara li enfasizza li kien raġel li għex “it-talb u d-dedikazzjoni għall-oħrajn,” il-Papa Ljun fakkar li l-Papa Franġisku bbeatifika lil Hossu fit-2 ta’ Ġunju 2019, fi Blaj, ir-Rumanija — flimkien ma’ sitt isqfijiet oħra martri — u enfasizza frażi mill-omelija tiegħu li kienet tal-isqof u l-kardinal: “Alla bagħatna f’dan id-dlam tat-tbatija biex naħfru u nitolbu għall-konverżjoni ta’ kulħadd.”
Għall-Papa Ljun XIV, il-frażi “tibqa’ llum stedina profetika biex negħlbu l-mibegħda permezz tal-maħfra u ngħixu l-fidi b’dinjità u kuraġġ.”
“Raġel kuraġġuż u ġeneruż, sal-punt ta’ sagrifiċċju suprem”
Il-Papa enfasizza wkoll li “l-messaġġ tal-Kardinal Hossu huwa aktar attwali minn qatt qabel. Dak li għamel għal-Lhud tar-Rumanija, l-azzjonijiet li wettaq biex jipproteġi lil ħaddieħor, minkejja r-riskji u l-perikli kollha, juruh bħala mudell ta’ raġel ħieles, kuraġġuż u ġeneruż, sal-punt tas-sagrifiċċju suprem.”
“Għalhekk, il-motto tiegħu, ‘Il-fidi tagħna hija ħajjitna,’ għandu jsir il-motto ta’ kull wieħed u waħda minna.”
Wara li ħeġġeġ l-eżempju ta’ Hossu biex ikun “dawl għad-dinja tal-lum,” il-Papa Ljun XIV finalment esklama: “Ejjew ngħidu ‘le’ għall-vjolenza, għal kwalunkwe vjolenza, aktar u aktar jekk din titwettaq kontra nies bla difiża u vulnerabbli, bħat-tfal u l-familji!”
Min kien Iuliu Hossu?
Iuliu Hossu kien isqof Kattoliku Grieg u kardinal in pectore. Huwa twieled fit-30 ta’ Jannar, 1885, f’Milas.
Fl-1904, beda l-istudji teoloġiċi tiegħu fil-Kulleġġ tal-Propaganda Fide f’Ruma. Fl-1906 u l-1908, kiseb dottorati fil-filosofija u t-teoloġija, rispettivament. Fis-27 ta’ Marzu 1910, ġie ordnat saċerdot.
Skont Vatican News, fit-3 ta’ Marzu 1917, inħatar isqof tal-Eparkija Griega Kattolika ta’ Gerla fit-Transilvanja. Fl-1930, l-eparkija biddlet isimha għal Cluj-Gherla, u ċċaqlaq iċ-ċentru tagħha lejn il-belt ta’ Cluj Napoca. Kien hemm perjodu ta’ okkupazzjoni hemmhekk bejn l-1940 u l-1944.
Fit-28 ta’ Ottubru 1948, Hossu ġie arrestat mill-gvern komunista u ttieħed lejn Dragoslavele. Aktar tard ġie trasferit lejn il-Monasteru Ortodoss ta’ Caldarusani u fl-1950 lejn il-Penitenzjarju ta’ Sighetul Marmatiei. Fl-1955 wasal f’Curtea de Arges, fl-1956 fil-monasteru ta’ Ciorogarla, u finalment lura lejn Caldarusani.
F’Awwissu tal-1961, kiteb dan fil-ħabs: “Ma stajtx inneħħili l-imħabba tiegħek, Mulej; biżżejjed għalija: nitolbok maħfra għal dnubieti kollha u nirringrazzjak b’qalbi kollha għal dak kollu li tajtni, qaddej tiegħek li ma jistħoqqlux.”
Hossu ġie mċaħħad mil-libertà kollha sakemm miet fit-28 ta’ Mejju 1970, fl-Isptar Colentina f’Bukarest, fejn l-aħħar kliem tiegħu kienu: “Il-battalja tiegħi spiċċat; tiegħek tkompli.”
Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. Ritratti kollha via Catholic News Agency Access for Editors.