Il-Papa jħeġġeġ lill-mexxejja tad-dinja biex iħaddnu l-paċi fis-sena tal-ġublew

Kristina Millare via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku f’Jum il-Milied għamel l-indirizz u l-barka tradizzjonali urbi et orbi fil-Belt tal-Vatikan, fejn stieden lill-individwi u n-nazzjonijiet kollha biex “isikket il-ħoss tal-armi u jegħlbu l-firdiet”.

Waqt li wassal il-messaġġ tiegħu ta’ Jum il-Milied li jħares lejn folol ta’ eluf ta’ pellegrini internazzjonali fi Pjazza San Pietru mill-Loggia Ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru, il-Papa insista li “paċi ġusta u dejjiema” tista’ tinkiseb biss fid-dinja tagħna jekk in-nies l-ewwel iduru lejn il-“Missier il-Ħniena”. 

Il-Papa Franġisku jagħti l-indirizz urbi et orbi fi Pjazza San Pietru, l-Erbgħa, 25 ta’ Diċembru, 2024. Kreditu: Daniel Ibáñez/CNA
Il-Papa Franġisku jagħti l-indirizz urbi et orbi fi Pjazza San Pietru, l-Erbgħa, 25 ta’ Diċembru, 2024. Kreditu: Daniel Ibáñez/CNA

“Ejjew inkunu rikonċiljati maʼ Alla,” qal. “Imbagħad inkunu rikonċiljati magħna nfusna u nistgħu nkunu rikonċiljati ma’ xulxin, anki l-għedewwa tagħna.”

“Il-ħniena ta’ Alla tista’ tagħmel kollox. Tħoll kull għoqda. Twaqqa’ kull ħajt ta’ firda.”

Wara li fetaħ il-Bieb Imqaddes tal-Bażilika ta’ San Pietru lejlet il-Milied biex jagħti bidu għas-Sena tal-Ġublew 2025, il-Papa Franġisku kompla t-talba tiegħu nhar l-Erbgħa lill-persuni kollha ta’ rieda tajba biex ikunu “pellegrini tat-tama”. 

“Ejja niftħulu l-bibien ta’ qalbna kif fetaħilna l-bibien ta’ qalbu,” qal waqt il-messaġġ tiegħu tal-25 ta’ Diċembru.  

‘Qlugħija’ meħtieġa biex tinnegozja l-paċi fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani

Is-Santu Missier uża l-indirizz biex appella lill-mexxejja tal-pajjiżi biex “jiftħu l-bieb” għad-djalogu u l-laqgħa, u esprima t-tħassib partikolari tiegħu għall-komunitajiet vulnerabbli li jintlaqtu kuljum mill-gwerra, il-vjolenza u l-inkwiet politiku. 

“Jalla l-ħoss tal-armi jiġi msikket fl-Ukrajna,” ħeġġeġ il-Papa. “Jalla jkun hemm il-qlubija meħtieġa biex tiftaħ il-bieb għan-negozjar u għal ġesti ta’ djalogu u laqgħa.”

Is-Santu Missier tenna wkoll l-appell tiegħu għal waqfien mill-ġlied f’Gaża u l-qrubija spiritwali tiegħu mal-komunitajiet Insara mifruxa madwar Iżrael, il-Palestina, il-Libanu, is-Sirja, u l-Libja. 

“J’Alla l-bibien tad-djalogu u l-paċi jinfetħu fir-reġjun kollu meqrud mill-kunflitt!” qal.

Jappella biex tintemm il-‘pjaga tat-terroriżmu’ fl-Afrika

Il-Papa talab ukoll għal “staġun ġdid ta’ tama” għall-popolazzjonijiet fil-Qarn tal-Afrika, il-Kongo, il-Burkina Faso, il-Mali, in-Niġer, il-Możambik u s-Sudan.

“Il-kriżi umanitarja li taffettwahom hija kkawżata prinċipalment minn kunflitti armati u l-pjaga tat-terroriżmu aggravata mill-effetti devastanti tat-tibdil fil-klima,” qal.

Għas-Sudan, is-Santu Missier talab b’mod speċjali biex Alla “jsostni l-isforzi tal-komunità internazzjonali biex jiffaċilita l-aċċess għall-għajnuna umanitarja għall-popolazzjoni ċivili” u għal negozjati mġedda lejn waqfien mill-ġlied bejn il-fazzjonijiet fil-gwerra.

Nirrispettaw id-drittijiet u d-dinjità ta’ kull persuna

Billi bbaża ruħu fuq it-tema tat-“tama,” Franġisku talab għall-awtoritajiet politiċi fil-Myanmar, Ħaiti, il-Venezwela, il-Kolombja, in-Nikaragwa, u Ċipru biex iġibu lura l-paċi f’pajjiżi tagħhom.

“Jalla jaħdmu, speċjalment f’din is-sena tal-ġublew, biex javvanzaw il-ġid komuni u jirrispettaw id-dinjità ta’ kull persuna li tegħleb il-firdiet politiċi,” qal.

“Jalla dan il-ġublew ikun opportunità biex jitwaqqa’ l-ħitan ta’ firda u l-ħitan ideoloġiċi li tant spiss jimmarkaw il-ħajja politika,” żied jgħid.

LURA GĦALL-FAĊĊATA