Il-papa jgħid lit-tfal: ‘Jekk irridu tassew inkunu kuntenti, irridu nitolbu’

Matthew Santucci via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku ta messaġġ lit-tfal tad-dinja b’antiċipazzjoni għall-ewwel Jum Dinji tat-Tfal tal-Knisja, li se jsir f’Ruma mill-25 sas-26 ta’ Mejju, u fakkarhom li ċ-ċavetta għall-ferħ tinsab fil-kultivazzjoni ta’ ħajja ta’ talb u relazzjoni personali ma’ Kristu, li min-naħa tiegħu jifforma l-bażi ta’ azzjoni soċjali usa’.

“Jekk irridu tassew inkunu ferħanin, irridu nitolbu, nitolbu ħafna, nitolbu kuljum, għax it-talb jgħaqqadna direttament ma’ Alla. It-talb jimla qalbna bid-dawl u bis-sħana; jgħinna nagħmlu kollox b’kunfidenza u serħan il-moħħ,” kiteb il-papa fl-ittra tiegħu tat-2 ta’ Marzu indirizzata lit-tfal tad-dinja.

Il-papa kompla din ir-riflessjoni billi talab lit-tfal jitolbu l-Missierna “kull filgħodu u kull filgħaxija, fil-familji tagħkom ukoll, flimkien mal-ġenituri, ħutkom, u n-nanniet tagħkom”. Iżda l-papa ħeġġeġ lit-tfal biex mhux biss ilissnu l-kliem imma biex jirriflettu fuq it-tifsira tagħhom u fuq il-ministeru ta’ Ġesù.

“Qed isejħilna u jridna ningħaqdu miegħu b’mod attiv, f’dan il-Jum Dinji tat-Tfal, biex insiru bennejja ta’ dinja ġdida, aktar umana, ġusta u paċifika. Ġesù, li offra lilu nnifsu fuq is-salib biex jiġborna lkoll flimkien fl-imħabba, li rebaħ il-mewt u rrikonċiljana mal-Missier, irid ikompli l-ħidma tiegħu fil-Knisja permezz tagħna,” kompla l-papa.

Il-Papa Franġisku jżomm tifel waqt l-udjenza ġenerali tal-Erbgħa fis-Sala Pawlu VI, il-Belt tal-Vatikan, fl-20 ta’ Jannar, 2016. Ritratt: EWTN News/CNA

Il-Papa Franġisku ħabbar il-Jum Dinji tat-Tfal f’Diċembru li għadda, u qal li se tkun avveniment li ġġib flimkien tfal minn madwar id-dinja biex jirriflettu fuq il-mistoqsija “X’tip ta’ dinja nixtiequ ngħaddu lit-tfal li jikbru fiha?”

Fl-ittra tiegħu tat-2 ta’ Marzu, il-papa spjega li t-tema għall-Jum Dinji tat-Tfal hija meħuda mill-kliem ta’ Ġesù fil-Ktieb tal-Apokalissi: “Ara, jiena nagħmel kollox ġdid.” Il-papa nnota li dan il-kliem “jistidinna biex insiru għaqlija daqs it-tfal biex nifhmu r-rejaltajiet ġodda mqanqla mill-Ispirtu, kemm fina kif ukoll madwarna”.

Filwaqt li rrifletta fuq l-importanza tat-tfal għall-familji, il-papa nnota li huma sinjal “tax-xewqa ta’ kull persuna li tikber u tiffjorixxi” u “sors ta’ ferħ,” rikonoxximent li jgħin biex titrawwem rabta interġenerazzjonali “mill-passat għall-futur.”

Il-messaġġ tal-papa mess ukoll fuq il-ħtieġa ta’ azzjoni soċjali, fejn talab liż-żgħażagħ biex dejjem jiftakru fi “tfal u żgħażagħ oħra li diġà qed jiġġieldu l-mard u t-tbatija”.

Filwaqt li enfasizza l-eżempji ta’ dawk li qed jiffaċċjaw il-faqar u l-ġuħ, “vittmi tal-gwerra u tal-vjolenza,” jew dawk “sfurzati li jkunu suldati jew jaħarbu bħala refuġjati, separati mill-ġenituri tagħhom,” il-Papa Franġisku talab li “jeħtieġ nisimgħu dawk il-vuċijiet tagħhom, għax fost it-tbatijiet tagħhom ifakkruna fir-realtà, b’għajnejhom bid-dmugħ u b’dik ix-xenqa għat-tjubija li tibqa’ fil-qlub ta’ dawk li tassew raw l-orrur tal-ħażen.”

Il-papa ħeġġeġ lit-tfal li l-azzjoni tibda fuq livell lokali permezz ta’ atti żgħar ta’ qalb tajba.

“Id-dinja tagħna tinbidel jekk ilkoll nibdew b’dawn l-affarijiet ċkejknin, mingħajr mistħija li nieħdu passi żgħar, wieħed wieħed,” esprima l-papa.

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA