Il-Papa jagħżel t-tema għall-Jum Dinji tan-Nanniet ta’ din is-sena

Matthew Santucci via Catholic News Agency

It-tema għar-raba’ Jum Dinji tan-Nanniet u l-Anzjani, li se jiġi ċċelebrat fit-28 ta’ Lulju, intgħażlet mill-Papa Franġisku.

Skont l-Uffiċċju għall-Istampa tas-Santa Sede, it-tema ta’ din is-sena hija ‘Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija,’ li ġejja minn Salm 71, vers disgħa.

L-istqarrija għall-istampa ta’ nhar il-Ħamis innotat li fl-għażla ta’ dan il-vers, il-papa xtaq “li jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, sfortunatament, is-solitudni hija sofferenza fil-ħajja ta’ ħafna anzjani, ħafna drabi l-vittmi ta’ kultura ħalja.”

Se tkun opportunità għal djalogu interġenerazzjonali. Ritratt: Storyblocks.com

L-istqarrija għall-istampa qalet li “billi ngħożżu n-nanniet u l-anzjani tagħna, u l-kontribut li jagħtu lill-Knisja, dan il-Jum Dinji jipprova jappoġġa l-isforzi ta’ kull komunità biex ikun hemm rabta bejn il-ġenerazzjonijiet u jkun hemm ġlieda kontra s-solitudni.”

Il-ġurnata se tkun ukoll opportunità għall-Knisja kollha biex tħejji għas-sena tal-ġublew 2025 li ġejja.

Waqt li rrifletta fuq it-tema magħżula mill-papa, il-Kardinal Kevin Farrell – il-prefett tad-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja – emfażizza s-sejħa tal-papa li noħolqu kuxjenza dwar l-iżolament li jħabbtu wiċċhom magħha ħafna anzjani, u r-realtà fejn “ħafna anzjani huma spiss meqjusa bħala piż għas-soċjetà.”

Il-Kardinal innota ukoll li filwaqt li “s-solitudni, ċertament, hija ukoll kundizzjoni inevitabbli tal-eżistenza tal-bniedem,” huwa dmir “il-familji u l-komunità li jkunu minn ta’ quddiem biex jinħolqu spazji ta’ appoġġ għall-anzjani: hekk l-imħabba tal-Vanġelu ssir konkreta.”

Holy Family with Saints Anne and Joachim (1535) ta’ Lorenzo Lotto. Ritratt: Wikimedia Commons

Innota ukoll li ċ-ċelebrazzjoni tar-raba’ Jum Dinji għan-Nanniet u l-Anzjani f’Lulju se tkun opportunità għal djalogu interġenerazzjonali.

Fix-xhur li ġejjin, se jkun disponibbli kit pastorali fuq il-sit tad-dikasteru tal-familja biex jgħin lill-individwi u lill-komunitajiet jippreparaw għalieh.

Il-Papa Franġisku waqqaf il-Jum Dinji għan-Nanniet u l-Anzjani fl-2021. Dan jiġi ċċelebrat fir-raba’ Ħadd ta’ Lulju, fil-festa ta’ San Ġwakkin u Sant’ Anna, in-nanniet ta’ Ġesù.

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA