Il-Papa jagħti barka appostolika mill-isptar qabel ma jirritorna l-Vatikan

Victoria Cardiel via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku deher fil-pubbliku għall-ewwel darba f’nofsinhar tal-Ħadd, wara 37 jum fl-Isptar Gemelli ta’ Ruma bi pnewmonja bilaterali.

Il-Papa deher fuq gallarija tal-ħames sular, bilqiegħda f’siġġu tar-roti, b’sinjali viżibbli ta’ għeja meta jieħu n-nifs u b’wiċċu pjuttost minfuħ.

Il-Papa, isellem mill-gallarija tal-ħames sular tal-Gemelli. Kreditu: Screenshot/Vatican Media
Il-Papa, isellem mill-gallarija tal-ħames sular tal-Gemelli. Kreditu: Screenshot/Vatican Media

Wieħed mill-kollaboraturi tiegħu pprovdilu mikrofonu, u l-Papa Franġisku indirizza ftit rimarki qosra.

“Din is-sinjura bil-fjuri sofor, kemm hi brava!” ikkummenta, meta nnota waħda mill-mijiet ta’ nies miġbura quddiem l-istatwa imponenti ta’ San Ġwanni Pawlu II, li tinsab fil-bitħa tal-isptar.

Ma kienx mistenni jgħid dan il-kliem, peress li għadu qed ibati mill-effetti ta’ wara l-marda.

Wieħed mill-kollaboraturi tiegħu jressaq il-mikrofonu eqreb lejn il-Papa Franġisku. Kreditu: Daniel Ibañez/EWTN News
Wieħed mill-kollaboraturi tiegħu jressaq il-mikrofonu eqreb lejn il-Papa Franġisku. Kreditu: Daniel Ibañez/EWTN News

Ilbieraħ, it-tobba kkonfermaw li kien qed ikollu diffikultà biex jitkellem u li jittamaw li, bis-saħħa ta’ eżerċizzji ta’ fiżjoterapija, ikun jista’ jirkupra għal kollox il-ħila tiegħu li jartikola sentenzi. Imbagħad il-Pontifika ta l-barka appostolika.

Minn kmieni filgħodu, folla nġabret fil-pjazza ta’ quddiem il-Ġemelli. Minbarra l-istaff mediku u għexieren ta’ fidili, kien preżenti wkoll is-sindku ta’ Ruma Roberto Gualtieri, li xtaq juri l-affezzjoni tiegħu b’dan il-mod.

Mijiet ta’ fidili nġabru fil-bitħa tal-Gemelli biex jaraw lill-Papa Franġisku. Kreditu: Screenshot/Vatican Media
Mijiet ta’ fidili nġabru fil-bitħa tal-Gemelli biex jaraw lill-Papa Franġisku. Kreditu: Screenshot/Vatican Media

Il-Papa Franġisku ta’ 88 sena ilu rikoverat l-isptar għal kważi 40 jum f’kamra fl-għaxar sular ta’ dan l-isptar semi-pubbliku f’Ruma, li jagħmel parti mill-Università Kattolika tal-Qalb ta’ Ġesu. Wara d-dehra pubblika tiegħu, il-Papa ġie trasferit fir-residenza tiegħu tal-Vatikan, Casa Santa Marta, fejn se jkun meħtieġ jistrieħ għal tal-anqas xahrejn oħra.

Il-Papa Franġisku ħalla l-isptar bil-Fiat 500 li uża tul il-pontifikat tiegħu għall-ivvjaġġar ġewwa Ruma, mhux f’ambulanza.

L-utility vehicle li ġarret lill-Papa Franġisku mill-Gemelli għall-Vatikan. Kreditu: Pool Aigav
L-utility vehicle li ġarret lill-Papa Franġisku mill-Gemelli għall-Vatikan. Kreditu: Pool Aigav

Ilbieraħ, it-tobba li kkurawh f’dawn l-aħħar ġimgħat irrappurtaw li l-ħajja tal-Papa kienet fil-periklu f’żewġ okkażjonijiet.

“It-terapiji farmakoloġiċi, it-terapija tal-ossiġnu bi fluss għoli, u l-ventilazzjoni mekkanika mhux assistita wasslu għal titjib bil-mod iżda progressiv, li ppermetta lis-Santu Missier jegħleb l-aktar episodji kritiċi,” spjegaw f’dehra dan is-Sibt.

Ritratt: Kreditu: Daniel Ibañez/EWTN News via Catholic News Agency Access for Editors

LURA GĦALL-FAĊĊATA