Il-Papa Franġisku lill-Messikani: Komplu kunu devoti tal-Madonna ta’ Guadalupe

Diego López Colín via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku qasam messaġġ bil-vidjo mill-qalb indirizzat lill-Messikani li fih fakkar lill-pajjiż dwar il-“fortuna kbira” tiegħu li għandu l-Verġni ta’ Guadalupe u ħeġġeġ lill-Messikani kollha biex “ikomplu jkunu Guadalupanos [devoti tal-Madonna ta’ Guadalupe].”

Il-filmat ġie rilaxxat fit-28 ta’ Ottubru minn Héctor Sulaimán Saldivar, membru fundatur tal-fondazzjoni pontifikali Scholas Ocurrentes fil-Messiku. Fir-recording, il-Papa Franġisku fakkar fiż-żewġ żjarat tiegħu fil-pajjiż, waħda qabel ma sar pontiffu u oħra fl-2016 fuq vjaġġ appostoliku.

F’dak il-vjaġġ tat-13 ta’ Frar 2016, is-Santu Missier żar il-Bażilika ta’ Guadalupe, fejn talab fis-skiet quddiem ix-xbieha tal-Verġni u ċċelebra Ewkaristija fis-santwarju.

Ritratt: Wikimedia Commons

“Meta kont bilqiegħda nħares lejn il-Verġni ta’ Guadalupe… għadda ż-żmien, kellhom jeħduni; Ma rrealizzajtx,” fakkar il-Papa fil-filmat.

“Intom il-Messikani intom ixxurtjati ħafna, [li jkollkom] il-Madonna, il-Verġni ta’ Guadalupe, l-omm ta’ Alla ‘li permezz tiegħu ngħixu,’” qal is-Santu Missier.

“Dur lejha,” żied jgħid.

Il-Messiku għandu popolazzjoni ta’ madwar 126 miljun ruħ, li minnhom kważi 80% jiddikjaraw ruħhom Kattoliċi, skont l-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika u l-Ġeografija tal-pajjiż.

Il-Papa Franġisku qal li qallu li “anki dawk li ma jemmnux f’Alla” iqimu lill-Verġni ta’ Guadalupe, u l-pontifikat ħeġġeġ lill-Messikani biex “ikomplu jkunu Guadalupanos.”

“Jalla jberikkom,” temm jgħid.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

LURA GĦALL-FAĊĊATA