Il-Papa Franġisku jistedinna ningħaqdu ma’ Ġesù fid-deżert

Matthew Santucci via Catholic News Agency

Fl-ewwel Ħadd tar-Randan, il-Papa Franġisku ffoka d-diskors tiegħu tal-Angelus fuq it-tentazzjoni ta’ Ġesù fid-deżert biex jenfasizza li din hija stedina għalina biex nidħlu fid-deżert proverbjali biex niġu “f’kuntatt mal-verità”.

Meta osserva li matul l-40 jum fid-deżert Kristu kien fil-kumpanija kemm ta’ “bhejjem selvaġġ kif ukoll anġli,” il-papa rrifletta li meta nidħlu f’dan is-“selvaġġ ġewwieni” simboliku, aħna ukoll “niltaqgħu ma’ bhejjem selvaġġ u anġli.”

Dawn “il-bhejjem” għandhom tifsira simbolika profonda fil-​“ħajja spiritwali” tagħna. Jissimbolizzaw it-tentazzjonijiet li jkollna f’ħajjitna u għalhekk “nistgħu nikkunsidrawhom bħala ‘​passjonijiet diżordinati’ li spiss ifixxkluna, u minflok għandna nippruvaw nieħdu pussess tagħhom. Jħajruna, jidhru seduttivi, imma jekk ma noqogħdux attenti, hemm il-periklu li jqattgħuna biċċiet,” qal il-papa lill-kważi 15,000 persuna miġbura fi Pjazza San Pietru nhar il-Ħadd.

Sabiex niffaċċjaw dawn il-vizzji li jolqtu lil kull wieħed u waħda minna, il-papa saħaq li rridu “immorru fid-deżert biex insiru konxji tal-preżenza tagħhom u niffaċċjawhom – u r-Randan huwa ż-żmien li nagħmlu dan.”

Il-Papa Franġisku jindirizza lill-pellegrini fi Pjazza San Pietru waqt l-Angelus tal-Ħadd fit-18 ta’ Frar. Ritratt: Vatican Media/CNA

L-ambjent tad-deżert deher b’mod prominenti fis-sensiela kateketika tal-papa matul is-sena.

Filwaqt li huwa fundamentali li nagħmlu dan il-vjaġġ ta’ awtoeżami, il-papa enfasizza li m’aħniex waħedna: Aħna mgħejjuna mill-anġli, li “huma l-messaġġiera ta’ Alla, li jgħinuna, li jagħmlulna l-ġid.

“Tassew, il-karatteristika tagħhom, skont l-Evanġelju, hija s-servizz, eżattament l-oppost tal-pussess, tipiku tal-passjonijiet li tkellimna dwarhom qabel,” kompla l-papa.

Waqt li qabbel l-ispirtu tal-pussess mal-virtù tas-servizz, il-papa saħaq li l-anġli “jfakkru fil-ħsibijiet u s-sentimenti tajbin ssuġġeriti mill-Ispirtu s-Santu,” u żied li “filwaqt li t-tentazzjonijiet ifarrkuna, l-ispirazzjonijiet divini tajbin jgħaqqduna f’armonija.

“Għalhekk, l-ordni u l-paċi jerġgħu lura fir-ruħ, lil hinn miċ-ċirkustanzi tal-ħajja, kemm jekk favorevoli jew mhux favorevoli. Hawn ukoll, però, biex wieħed jifhem il-ħsibijiet u s-sentimenti ispirati minn Alla, wieħed irid joqgħod sieket u jidħol fit-talb,” kompla l-papa.

Il-papa talab lill-fidili biex jeżaminaw x’inhuma dawn “il-bhejjem salvaġġi” personali f’ħajjitna, sabiex inkunu nistgħu “nagħrfuhom, nagħtuhom isem, nifhmu t-tattiċi tagħhom”. B’dan il-​mod nistgħu “nħallu l-​leħen t’Alla jkellimni f’qalbi u nżommha fit-​tjubija.”

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA