Il-Papa Franġisku jirrifletti fuq l-Att tal-Indiema

Lara Zammit

Fl-okkażjoni tal-kors annwali tal-Forum Intern, organizzat mill-Penitenzjarju Appostoliku fit-8 ta’ Marzu, il-Papa Franġisku għamel rifelssjoni dwar l-Att tal-Indiema – talba li biha nagħmlu rikonċiljazzjoni ma’ Alla meta naqgħu fid-dnub.

Il-papa għamel ir-riflessjoni tiegħu fil-kuntest tal-perjodu tar-Randan li qiegħdin fih u, b’mod partikolari, fis-Sena tat-Talb bi tħejjija għall-Ġublew tal-Knisja s-sena d-dieħla.

Qal li, minkejja l-lingwaġġ kemmxejn antikwat tat-talba, li jista’ saħansitra jkun mifhum ħażin f’xi espressjonijiet tiegħu, din it-talba żżomm ir-rilevanza kollha tagħha, kemm pastorali kif ukoll teoloġika.

L-awtur tagħha huwa San Alfons Maria de’ Liguori, li l-papa sejjaħlu “kaptan tat-teoloġija morali, ragħaj qrib in-nies u bniedem ta’ ekwilibriju kbir, imbiegħed kemm mir-rigorożmu kif ukoll mil-lassiżmu.”

San Alfons Maria de’ Liguori. Ritratt: Wikimedia Commona

L-Att tal-Indimea

Mulejja, Alla tiegħi, jisgħobbija b’qalbi kollha minn dnubieti ta’ ħajti kollha. Jisgħobbija, Mulejja, għall-ġenna li tlift u għal-infern li irbaħt; imma fuq kollox jisgħobbija għax regħextek u offendejtek li inti kollok tjieba u ħniena.

Inħobbok, Mulejja, inħobbok fuq kollox. Mil-lum ’il quddiem, bil-għajnuna mqaddsa tiegħek, ma nidnibx qatt u qatt iżjed, u la mmur fejn dari nidneb, iżda naħrab ukoll dak kollu li dari waqqagħni fid-dnub.

Tliet attitudnijiet espressi fl-Att tal-Indiema

Il-papa tkellem fuq tliet attitudnijiet espressi fl-Att tal-Indiema li jistgħu jgħinuna nirriflettu fuq ir-relazzjoni tagħna mal-ħniena ta’ Alla: l-indiema quddiem Alla, il-fiduċja fih u r-rieda li ma nirkadux.

Beda r-riflessjoni tiegħu fuq l-indiema, li qal li la hija frott ta’ awto-analiżi, u lanqas ta’ sens ta’ ħtija, “imma toħroġ għal kollox minn għarfien tal-ħerqa tagħna quddiem l-imħabba infinita ta’ Alla, il-ħniena bla limitu Tiegħu”.

Hija din l-esperjenza li tqanqal lil ruħna biex nitolbuh maħfra, qal il-papa.

Żied li fil-persuna, is-sens tad-dnub huwa proporzjonali proprju għall-perċezzjoni tal-imħabba infinita ta’ Alla: “aktar ma nħossu t-tenerezza Tiegħu, aktar nixtiequ nkunu f’komunjoni sħiħa miegħu u aktar ma jsir evidenti għalina il-ħażen f’ħajjitna.

“Hija proprju din il-kuxjenza, deskritta bħala “indiema” jew “kontrizzjoni”, li tqanqalna biex nirriflettu fuqna nfusna u fuq għemilna, u biex nikkonvertu,” qal il-papa.

L-Indiema ta’ San Pietru (c. 1700) ta’ Luca Giordano. Ritratt: Wikimedia Commons

It-tieni attitudni espressa fl-Att tal-Indiema hija l-fiduċja.

“Huwa sabiħ li tisma’, fuq fomm il-penitent, ir-rikonoxximent kemm tat-tjubija bla tarf ta’ Alla kif ukoll tal-emfasi f’ħajtu tal-imħabba lejh,” qal il-Papa Franġisku.

“Li tħobb lil Alla ‘fuq kollox’ tassew tfisser li tpoġġi lil Alla fiċ-ċentru ta’ kollox, bħala d-dawl fit-triq u l-pedament ta’ kull ordni ta’ valuri, li tafda kollox f’idejh. U dan jispira kull imħabba oħra: għall-umanità u għall-ħolqien, għax min iħobb lil Alla, iħobb lil ħuh u jfittex il-ġid tiegħu, dejjem, fil-ġustizzja u fil-paċi.”

Fl-aħħarnett, it-tielet aspett espress fl-Att tal-Indiema skont il-papa hija r-riżoluzzjoni.

Din tesprimi r-rieda tal-penitent li ma jerġax lura fid-dnub imwettaq u tippermetti l-passaġġ importanti “mit-tbatija imperfetta għal dik perfetta”.

Meta nuru dispjaċir, dan il-kliem jesprimi intenzjoni, mhux wegħda.

“Tabilħaqq,” qal il-papa, “ħadd minna ma jista’ jwiegħed lil Alla li ma jidnibx aktar, u dak li hu meħtieġ biex jirċievi l-maħfra mhuwiex garanzija ta’ impekkabbiltà, imma deċiżjoni attwali, magħmula b’intenzjoni ġusta fil-mument tal-qrar.

“Barra minn hekk, huwa impenn li dejjem nagħmlu b’umiltà, kif jenfasizza l-kliem ‘bil-għajnuna mqaddsa tiegħek’,” spjega.

Il-papa kkonkluda billi ħeġġeġ li ngħixu kull qrara bħala “mument uniku u irrepetibbli ta’ grazzja li tagħti l-maħfra tal-Mulej b’ġenerożità, b’affabbiltà, paternità u anke b’tenerezza materna”.

LURA GĦALL-FAĊĊATA