Il-Papa Franġisku jirrifletti fuq ‘il-miraklu tal-Ewkaristija’

Courtney Mares via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku qal il-Ħadd li l-Ewkaristija hija “miraklu” li fih Ġesù jrabbina b’ħajtu u jaqla’ l-ġuħ f’qalbna.

“Ilkoll kemm aħna għandna bżonn l-Ewkaristija,” qal il-Papa Franġisku fl-indirizz tiegħu tal-Angelus fit-18 ta’ Awwissu.

“Il-ħobż tas-sema, li ġej mill-Missier, huwa l-Iben magħmul laħam għalina. Dan l-ikel huwa aktar milli meħtieġ għax jissodisfa l-ġuħ għat-tama, il-ġuħ għall-verità, u l-ġuħ għas-salvazzjoni li lkoll inħossu mhux f’żaqqna, imma f’qalbna.”

Waqt li kien qed jitkellem mit-tieqa tal-Palazz Appostoliku tal-Vatikan, il-Papa ħeġġeġ lin-nies jirriflettu b’“għaġeb u gratitudni” fuq il-“miraklu tal-Ewkaristija” li fih Ġesù “jagħmel lilu nnifsu preżenti għalina u magħna”.

“Il-ħobż mis-sema huwa rigal li jaqbeż kull aspettattiva,” qal il-Papa.

“Ġesù jieħu ħsieb l-akbar bżonn: Hu jsalvana, li jsostni ħajjitna bi Tiegħu, għal dejjem. Bis-saħħa tiegħu nistgħu ngħixu f’komunjoni ma’ Alla u bejnietna.”

Ir-riflessjoni tal-Papa ċċentrata fuq kliem Ġesù mniżżel f’kapitlu sitta tal-Evanġelju ta’ Ġwanni, “Jien il-ħobż ħaj li niżel mis-sema.”

Il-Papa Franġisku qal, “Ejja nistaqsu lilna nfusna… Meta nirċievi l-Ewkaristija, li hija l-miraklu tal-ħniena, nibża’ quddiem il-Ġisem tal-Mulej, li miet u qam għalina?”

Sorijiet u pellegrini jxejru bnadar waqt li l-Papa Franġisku ta l-Angelus fi Pjazza San Pietru fit-18 ta’ Awwissu. Ritratt: Vatican Media

Wara li mexxa lill-folla fit-talb tal-Angelus bil-Latin, il-Papa ħeġġeġ lin-nies biex ikomplu jitolbu biex jinfetħu “mogħdijiet għall-paċi” fil-Lvant Nofsani, fil-Palestina u Iżrael, kif ukoll fl-Ukrajna, il-Myanmar, u kull post affettwat minn gwerra.

Il-Papa esprima wkoll ferħ li erba’ martri tas-seklu 20 ġew ibbeatifikati nhar il-Ħadd fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Eluf attendew għall-quddiesa ta’ beatifikazzjoni ta’ Patri Luigi Carrara, Patri Giovanni Didonè, u Patri Vittorio Faccin — kollha saċerdoti missjunarji Xaverjani mill-Italja li kienu qed iservu fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo li ġew martrijati minn gwerrillieri anti-reliġjużi fir-Ribelljoni tal-Kwilu fl-1964. Patri Albert Joubert , saċerdot djoċesan martri imwieled minn missier Franċiż u omm Afrikana, ġie wkoll ibbeatifikat magħhom.

“Il-martirju tagħhom kien il-kisba tal-kuruna ta’ ħajja li qattgħu għall-Mulej u għal ħuthom,” qal il-Papa Franġisku.

“Jalla l-eżempju u l-interċessjoni tagħhom irawmu mogħdijiet ta’ rikonċiljazzjoni u paċi għall-ġid tal-poplu Kongoliż.”

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

LURA GĦALL-FAĊĊATA