Il-Papa Franġisku jiltaqa’ ma’ eluf ta’ nanniet u neputijiet fil-Vatikan

Almudena Martínez-Bordiú via Catholic News Agency

Għożża u Tbissima huwa l-isem tal-avveniment li se jsir is-Sibt, 27 ta’ April, fis-Sala Pawlu VI tal-Vatikan fejn anzjani, nanniet u neputijiet mill-Italja se jiltaqgħu mal-Papa Franġisku.

B’kollox 6,000 nannu u nanna u n-neputijiet tagħhom se jaslu din il-ġimgħa l-Vatikan għal laqgħa speċjali mas-Santu Missier.

L-Arċisqof Vincenzo Paglia, il-president tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja, innota li l-Italja għandha t-tieni l-ogħla numru ta’ anzjani fid-dinja u li għall-ewwel darba fl-istorja, erba’ ġenerazzjonijiet qed jgħixu flimkien, li “qatt ma kien ġara qabel.”

Ilmenta ukoll li bħalissa “nibżgħu nużaw” il-kelma “xjuħija” u li x-xjuħija “mhuwiex biss żmien sabiħ ħafna, iżda tista’ tfisser bidla fid-direzzjoni, fi ħdan il-kultura, is-soċjetà, l-ekonomija, u ukoll tar-reliġjon.”

L-arċisqod innota l-għożża speċjali li l-Papa Franġisku għandu lejn l-anzjani u għamel aċċenn għas-sensiela kateketika li l-papa kien iddedikalhom biex jgħallem “kif ngħixu l-aħħar 30 sena” tal-ħajja b’mod Nisrani.

“The Favorite” Grandfather and Grandson (1890) ta’ Georgios Iakovidis. Ritratt: Wikimedia Commons

“Dan l-avveniment se jsir biex nagħtu viżjoni ġdida tax-xjuħija. Ix-xjuħija hija età kbira, li m’għandhiex tinħela jew narawha bħala piż. Ix-xjuħija mhix skonnettjata minn etajiet oħra tal-ħajja,” kompla Paglia.

L-arċisqof innota ukoll iċ-ċirkostanza demografika li għaddejja minnha l-Italja bħalissa u enfasizza l-“armonija partikolari” u r-rabtiet speċjali li jeżistu bejn in-nanniet u n-neputijiet tagħhom, żewġ ġenerazzjonijiet “li ma jistgħux jgħixu mingħajr xulxin.”

L-attività, organizzata mill-Fondazzjoni Taljana tax-Xjuħija, se tibda fit-8.30am ħin ta’ Ruma b’riflessjoni dwar ix-xjuħija.

Madwar 40 minuta wara, il-Papa Franġisku se jasal fis-Sala Pawlu VI biex jisma’ x-xhieda ta’ żewġ nanniet (fosthom mara ta’ 91 sena) u tliet neputijiet.

Barra minn hekk, il-Papa Franġisku waqqaf ukoll il-Jum Dinji għan-Nanniet u l-Anzjani, li din is-sena se jiġi ċċelebrat fit-28 ta’ Lulju.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. 

LURA GĦALL-FAĊĊATA