Il-Papa Franġisku jikteb lil Kardinal Mario Grech dwar is-Sinodalità

Matthew Santucci via Catholic News Agency

Esperti tal-Knisja se jiltaqgħu fi gruppi ta’ studju biex jeżaminaw il-kwistjoni tan-nisa djakni u suġġetti ewlenin oħra sa Ġunju 2025, żvela l-Papa Franġisku f’ittra ġdida lil Kardinal Mario Grech rilaxxata l-Ħamis.

Meta kiteb lill-Kardinal Grech, segretarju ġenerali tas-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu, il-papa nnota li r-Rapport ta’ Sintesi ta’ 42 paġna prodott wara l-ewwel sessjoni tal-assemblea tas-sinodu li saret f’Ottubru li għadda “jagħmel aċċenn għal ħafna kwistjonijiet teoloġiċi importanti,” li “min-natura tagħhom stess, jeħtieġu studju fil-fond.”

Minħabba li mhux se jkun possibbli li jitlesta dan l-istudju qabel ma tibda l-assemblea tas-sinodu li jmiss fit-2 ta’ Ottubru, il-papa spjega, “Qed nirranġa biex dawn il-kwistjonijiet jiġu assenjati fi gruppi speċifiċi ta’ studju, sabiex ikunu jistgħu jiġu eżaminati sew.”

Il-Kardinal Mario Grech, segretarju ġenerali tas-Sinodu tas-Sinodalità. Ritratt: Vatikan Media/CNA

Fl-ittra tiegħu, il-Papa Franġisku elenka 10 temi li jrid li jeżaminaw il-gruppi ta’ studju. Dawn huma:

1. Xi aspetti tar-relazzjoni bejn il-Knejjes Kattoliċi tal-Lvant u l-Knisja Latina.
2. Nisimgħu l-għajta tal-foqra.
3. Il-missjoni fl-ambjent diġitali.
4. Ir-reviżjoni tar-Ratio Fundamentalis Institutionis Sacerdotalis f’perspettiva sinodali missjunarja.
5. Xi kwistjonijiet teoloġiċi u kanoniċi dwar forom ministerjali speċifiċi.
6. Ir-reviżjoni, f’perspettiva missjunarja sinodali, tad-dokumenti li jolqtu r-relazzjoni bejn l-isqfijiet, il-ħajja kkonsagrata u l-għaqdiet ekkleżjali.
7. Xi aspetti tal-persuna u l-ministeru tal-isqof (kriterji għall-għażla tal-kandidati għall-episkopat, funzjoni ġudizzjarja tal-isqfijiet, in-natura u l-kors taż-żjarat ad limina apostolorum) minn perspettiva sinodali missjunarja.
8. Ir-rwol tar-rappreżentanti papali f’perspettiva sinodali missjunarja.
9. Kriterji teoloġiċi u metodoloġiji sinodali għal dixxerniment kondiviż ta’ kwistjonijiet dottrinali, pastorali u etiċi kontroversjali.
10. Ir-riċeviment tal-frott tal-vjaġġ ekumeniku fil-prattiċi ekkleżjali.

Dawn it-temi magħżula kienu fost lista aktar estensiva ta’ suġġetti meqjusa bħala “materji ta’ rilevanza kbira” li ħarġu waqt l-ewwel sessjoni tas-sinodu f’Ottubru 2023 li kienet teħtieġ konsiderazzjoni “fil-livell tal-Knisja kollha u b’kollaborazzjoni mad-dikasterji tal-Kurja Rumana,” skont id-dokument tat-12 ta’ Diċembru 2023 mis-segretarjat ġenerali tas-sinodu intitolat “Lejn Ottubru 2024.”

Filwaqt li osserva li dawn il-kwistjonijiet jeħtieġu reviżjoni estensiva, il-Papa Franġisku nnota li m’hemmx żmien biżżejjed biex jiġu indirizzati bis-sħiħ qabel is-sinodu f’Ottubru. Għalhekk, qal, “il-gruppi ta’ studju se joffru rendikont inizjali tal-attività tagħhom fl-okkażjoni tat-tieni sessjoni u, jekk possibbli, jikkonkludu l-mandat tagħhom sax-xahar ta’ Ġunju 2025.”

Il-papa qal “huwa l-kompitu tas-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu, bi ftehim konġunt mad-dikasterji kompetenti tal-Kurja Rumana, li jikkostitwixxi dawn il-gruppi, billi jsejjaħ rgħajja u esperti mill-kontinenti kollha biex jieħdu sehem fihom, u filwaqt li jqisu mhux biss studji eżistenti imma ukoll l-aktar esperjenzi attwali rilevanti fil-poplu ta’ Alla miġbur fil-Knejjes lokali.”

“Huwa importanti li l-gruppi ta’ studju msemmija qabel jaħdmu skont metodu awtentikament sinodali, li tiegħu nitlobkom tkunu l-garanti,” kompla l-papa fl-ittra tiegħu lil Kardinal Grech.

Quddiesa waqt is-Sinodu dwar is-Sinodalità f’Ruma fit-13 ta’ Ottubru 2023. Ritratt: Vatikan Media/CNA

Waqt konferenza stampa fil-Vatikan nhar il-Ħamis, uffiċjali tas-Segretarjat tas-Sinodu ddiskutew l-ittra tal-papa kif ukoll żewġ dokumenti ġodda li s-segretarjat ħareġ flimkien mal-ittra.

L-ewwel dokument, intitolat “Ħames Perspettivi għall-Esplorazzjoni Teoloġika fid-dawl tat-Tieni Sessjoni tas-XVI Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet,” jirrifletti fuq it-tema gwida tas-sinodu: “Kif Inkun Knisja Sinodali fil-Missjoni?”

Tenfasizza li s-sessjoni li jmiss se sservi biex tapprofondixxi “ir-rabta dinamika bejn il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd u l-awtorità ta’ xi wħud, fl-orizzont tal-komunjoni u l-missjoni… fit-tifsira teoloġika tagħha, fil-modi prattiċi ta’ kif titmexxa, u r-realtà tal-istrutturi kanoniċi.”

Id-dokument iddeskriva ukoll il-passi intermedjarji li għandhom jittieħdu fix-xhur li ġejjin bi tħejjija għas-sinodu, filwaqt li nnota li dan il-proċess se jkun mibni fuq “proċess ġdid ta’ konsultazzjoni”, u artikola li dan se jseħħ fuq tliet livelli distinti: il-Knisja lokali, il-gruppi ta’ Knejjes (jiġifieri nazzjonali, reġjonali kontinentali), u fuq livell universali.

Il-Papa Franġisku jsellem lill-Kardinal Mario Grech fil-Bażilika ta’ San Pietru fit-28 ta’ Novembru, 2020. Ritratt: Vatikan Media/CNA

It-tieni dokument huwa intitolat “Gruppi ta’ Studju dwar Mistoqsijiet li Jqumu fl-Ewwel Sessjoni tas-16-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet biex Japprofondixxu f’Kollaborazzjoni mad-Dikasterji tal-Kurja Rumana.”

Huwa t-tieni dokument li jispeċifika li t-tema Nru 5 – rigward kwistjonijiet relatati mal-forom ministerjali – “hija l-kuntest li fih il-mistoqsija dwar l-aċċess possibbli tan-nisa għad-djakonat tista’ titpoġġa b’mod xieraq.”

Il-grupp ta’ studju ffurmat biex jeżamina din il-mistoqsija se jkun taħt id-direzzjoni tad-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi, jinnota d-dokument. Dan il-grupp “huwa fdat bil-kompitu li jkompli “ir-riċerka teoloġika u pastorali dwar l-aċċess tan-nisa għad-djakonat, billi jieħu vantaġġ mir-riżultati tal-kummissjonijiet imwaqqfa apposta mill-papa”.

Il-ħidma tal-grupp “se jkollha l-għan ukoll li twieġeb għax-xewqa espressa mill-Assemblea Sinodali għal ‘għarfien u apprezzament akbar tal-kontribut tan-nisa u tkabbir fir-responsabbiltajiet pastorali fdati lilhom fl-oqsma kollha tal-ħajja u l-missjoni tal-Knisja.”

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA