Il-Papa Franġisku jiċċelebra l-Għid tal-2024: ‘Ġesù Kristu qam’

Courtney Mares via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku mexxa Quddiesa fi Pjazza San Pietru nhar Ħadd il-Għid qabel ma ta l-barka tradizzjonali urbi et orbi fil-preżenza ta’ madwar 60,000 ruħ.

F’Ħadd il-Għid sħun u bir-riħ fil-Vatikan, il-Papa Franġisku pproklama: “Ġesù Kristu qam! Hu biss għandu s-setgħa li jirrombla l-ġebel li timblokka t-triq għall-ħajja. Hu t-Triq.

Il-Papa Franġisku jippresiedi Quddiesa ta’ Ħadd il-Għid fi Pjazza San Pietru fil-31 ta’ Marzu. Kreditu: Vatican Media

“Kristu Rxoxt biss, billi jagħtina l-maħfra ta’ dnubietna, jiftaħ it-triq għal dinja mġedda,” żied jgħid il-Papa. Waqt li kien qed jitkellem mill-gallarija ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-barka urbi et orbi tiegħu, il-Papa Franġisku qal li “illum mad-dinja kollha jidwi l-messaġġ imħabbar 2,000 sena ilu minn Ġerusalemm: ‘Ġesù ta’ Nazaret, li ġie msallab, irxoxta!’”

Pjazza San Pietru kienet imżejna b’firxa ta’ aktar minn 21,000 fjura u pjanta mill-Olanda.

Pjazza San Pietru ġiet imżejna b’firxa ta’ aktar minn 21,000 fjura u pjanta mill-Olanda għall-Quddiesa ta’ Ħadd il-Għid fil-31 ta’ Marzu. Ritratt: Vatican Media

Tliet mitt saċerdot, 18-il isqof u 34 kardinal ikkonċelebraw il-Quddiesa ta’ Ħadd il-Għid fil-31 ta’ Marzu. Il-Kardinal Giovanni Battista Re ċċelebra fuq l-artal minħabba d-diffikultà tal-Papa Franġisku biex jimxi u joqgħod bilwieqfa.

Il-qari tal-Evanġelju (Ġw 20:1-9) ġie mħabbar bil-Latin u bil-Grieg. Is-silta tirrakkonta l-mument li fih Marija Maddalena u l-appostli Pietru u Ġwanni sabu l-qabar vojt wara l-qawmien ta’ Ġesù.

Bosta innijiet tal-ferħ tal-Għid tkantaw madwar il-Vatikan:

Kif inhi d-drawwa tiegħu, il-Papa ma tax omelija wara l-Evanġelju iżda baqa’ ftit mumenti sieket fit-talb.

Il-Papa pparteċipa ukoll fir-Resurrexit, rit antik li jonora ikona tas-Salvatur Imqaddes. Fi tmiem il-liturġija, il-Papa Franġisku rikeb minn Pjazza San Pietru fuq il-popemobile u sellem lill-pellegrini entużjasti li xejru bnadar u ferrħu.

Fi tmiem il-quddiesa ta’ Ħadd il-Għid, il-Papa Franġisku rikeb minn Pjazza San Pietru fuq il-papamobile sellem lill-pellegrini entużjasti li xejru bnadar u jferrħu. Ritratt: Vatican Media

Il-Papa jagħti l-Barka tal-Għid

Fil-barka tiegħu ta’ Ħadd il-Għid, il-Papa Franġisku talab lill-Mulej irxoxt biex jiftaħ mogħdijiet ta’ paċi fl-Art Imqaddsa, l-Ukrajna u r-reġjuni kollha tad-dinja li jbatu mill-gwerra u l-vjolenza.

Meta kien qed jitkellem mill-gallarija ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-31 ta’ Marzu, il-Papa Franġisku sejjaħ għal waqfien mill-ġlied immedjat fil-Medda ta’ Gaża. Huwa appella għal aċċess umanitarju għan-nies ta’ Gaża u sejjaħ għall-ħelsien fil-pront tal-ostaġġi maqbuda mill-Ħamas fis-7 ta’ Ottubru, 2023.

“Ġesù waħdu jiftaħ quddiemna l-bibien tal-ħajja, dawk il-bibien li kontinwament nagħlqu bil-gwerer mifruxa mad-dinja kollha,” qal il-Papa Franġisku.

Il-Papa Franġisku ta l-barka tradizzjonali urbi et orbi mil-loġġa ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru wara l-Quddiesa tal-Għid fi Pjazza San Pietru fil-preżenza ta’ madwar 60,000 ruħ.

Il-Papa Franġisku jagħti l-messaġġ u l-barka urbi et orbi tiegħu mill-loggia ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru. Ritratt: Vatican Media

“Urbi et orbi” tfisser “Lil-belt [ta’ Ruma] u lid-dinja” u hija barka appostolika speċjali mogħtija mill-papa kull sena fl-Għid il-Kbir, fil-Milied u f’okkażjonijiet speċjali oħra.

Il-Papa talab għall-ħafna pajjiżi fid-dinja li qed ibatu minn vjolenza, faqar, instabbiltà, nuqqas ta’ sigurtà fl-ikel u kunflitti.

“Ejjew ma nħallux l-ostilitajiet attwali jkomplu jkollhom riperkussjonijiet gravi fuq il-popolazzjoni ċivili issa fil-limitu tar-reżistenza tagħha,” qal il-Papa Franġisku.

“Kemm tbatija naraw f’għajnejn it-tfal,” qal. “It-tfal f’dawk iż-żoni tal-gwerra insew kif jitbissmu. B’dawk l-għajnejn, jistaqsuna: Għaliex? Għaliex din il-mewt kollha? Għaliex din il-qerda kollha?

Il-Papa Franġisku jagħti l-barka urbi et orbi tiegħu mil-loggia ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru quddiem madwar 60,000 ruħ fil-31 ta’ Marzu. Ritratt: Vatican Media

“Il-paċi qatt ma ssir bl-armi iżda b’idejn mifruxa u qlub miftuħa,” żied jgħid il-Papa.

Fil-messaġġ ta’ paċi tiegħu, il-Papa Franġisku esprima tama għal skambju ġenerali tal-priġunieri kollha bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Huwa offra ukoll talb għas-Sirja u l-Libanu li l-popolazzjonijiet tagħhom għadhom jesperjenzaw l-effetti devastanti tal-gwerra.

Il-Papa talab lill-Mulej biex jiftaħ mogħdijiet ta’ paċi fil-kontinent Afrikan, billi talab b’mod speċjali “għall-popli li qed ibatu fis-Sudan u fir-reġjun kollu tas-Saħel, fil-Qarn tal-Afrika, fir-reġjun ta’ Kivu fir-Repubblika Demokratika tal- Kongo, u fil-provinċja ta’ Capo Delgado fil-Możambik.”

Huwa talab ukoll lill-Mulej irxoxt biex jassisti lill-poplu ta’ Ħaiti, billi sejjaħ għat-tmiem tal-atti ta’ vjolenza, qerda u tixrid ta’ demm f’dak il-pajjiż, u li jkun jista’ javvanza fit-triq tad-demokrazija u l-fraternità.”

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ id-diskussjonijiet li qed isiru bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan, u ħeġġeġ biex, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, jistgħu “issegwu d-djalogu, jassistu lill-persuni spustati, jirrispettaw il-postijiet ta’ qima tad-diversi konfessjonijiet reliġjużi, u jaslu kemm jista’ jkun malajr lejn ftehim ta’ paċi definittiv.”

Huwa talab għar-rikonċiljazzjoni fil-Myanmar u biex Kristu jagħti konsolazzjoni u saħħa lill-poplu Rohingya hekk kif qed jiffaċċjaw “kriżi umanitarja gravi.”

Il-Papa Franġisku jagħti l-barka urbi et orbi tiegħu mill-loggia ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru quddiem madwar 60,000 ruħ fil-31 ta’ Marzu. Ritratt: Vatican Media

“F’dan il-jum meta niċċelebraw il-ħajja mogħtija lilna fil-qawmien tal-Iben, ejjew niftakru fl-imħabba infinita ta’ Alla għal kull wieħed minna: imħabba li tegħleb kull limitu u kull dgħjufija,” qal il-Papa Franġisku.

“U madankollu kemm id-don prezzjuż tal-ħajja huwa disprezzat! Kemm tfal lanqas biss ma jistgħux jitwieldu? Kemm imutu bil-ġuħ u huma mċaħħda minn kura essenzjali jew huma vittmi ta’ abbuż u vjolenza? Kemm-il ħajjiet isiru oġġetti ta’ traffikar għall-kummerċ dejjem jiżdied tal-bnedmin?

“Jalla d-dawl tal-Qawmien idawwal moħħna u jikkonverti qalbna, u jagħmilna konxji tal-valur ta’ kull ħajja umana, li trid tiġi milqugħa, imħarsa u maħbuba. L-Għid it-tajjeb lil kulħadd!” hu qal.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA