Il-Papa Franġisku jfakkar fl-importanza tal-prudenza

Matthew Santucci via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku nhar l-Erbgħa rrifletta dwar il-virtù tal-prudenza, filwaqt li nnota li hija karatteristika essenzjali għal governanza tajba, osservazzjoni li għamel waqt li ġedded is-sejħa tiegħu biex tinnegozja t-tmiem tal-gwerra.

“Il-gwerra hija dejjem telfa. Ma tistax tkompli fil-gwerra. Irridu nagħmlu l-isforzi kollha biex ninnegozjaw, biex intemmu l-gwerra. Ejjew nitolbu għal dan,” qal il-papa waqt l-udjenza ġenerali tiegħu ta’ nhar l-Erbgħa fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan.

Filwaqt li l-papa ta’ 87 sena wasal fil-pjazza jsellem lill-fidili mill-famuża “Popemobile,” qagħad fuq ajjutant biex iwassal l-indirizz.

“Tlabt lil Monsinjur [Pierluigi Giroli] biex jaqra l-messaġġ għax għadni ma nistax,” qal il-papa.

Il-Papa Franġisku jgħammar lill-pellegrini miġbura fi Pjazza San Pietru għall-udjenza ġenerali tiegħu tal-Erbgħa fl-20 ta’ Marzu. Ritratt: Vatican Media

Il-papa ilu mgħejjun fir-rimarki pubbliċi tiegħu mill-aħħar ta’ Frar meta l-Vatikan ħabbar li kien qed isofri minn sintomi ta’ “influwenza ħafifa”. Minkejja s-sintomi li għadhom għaddejjin, il-papa żamm skeda sħiħa waqt li kien qed jipprepara għall-Ġimgħa Mqaddsa f’Ruma.

Il-katekeżi tal-papa nhar l-Erbgħa offriet sommarju fuq il-prudenza – waħda mill-erba’ virtujiet kardinali – bil-papa jinnota li hija karatteristika essenzjali għal dawk “imsejħin biex jiggvernaw,” peress li teħtieġ ekwilibriju interjuri u l-abbiltà li wieħed jarmonizza fehmiet konfliġġenti.

Il-Papa Franġisku jitlob waqt l-udjenza ġenerali tiegħu tal-Erbgħa fl-20 ta’ Marzu, fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan. Ritratt: Media tal-Vatikan

“Il-prudenti ma jagħżlux b’kumbinazzjoni,” osserva l-papa. “L-ewwel nett, jafu xi jridu, imbagħad jiżnu s-sitwazzjonijiet, ifittxu parir, u b’ħarsa wiesgħa u libertà interjuri, jagħżlu liema triq jimbarkaw fuqha.”

Il-papa ċċara li l-prudenza, li ħafna drabi hija magħquda mal-kawtela jew eżitazzjoni, minflok għandha titqies bħala kapaċità intrinsika li wieħed jaġixxi liberament u b’mod kreattiv, ħieles minn sentimentaliżmu u pressjonijiet esterni.

“Li nagħtu importanza prima lill-prudenza tfisser li l-azzjoni tal-bniedem tinsab f’idejn l-intelliġenza u l-libertà. Il-persuna prudenti hija kreattiva: tirraġuna, tevalwa, tipprova tifhem il-kumplessità tar-realtà u ma tħallix lilha nnifisa tiġi maħkuma mill-emozzjonijiet, il-pressjonijiet u l-illużjonijiet,” irrifletta l-papa.

Il-Papa Franġisku jsellem lill-pellegrini miġbura fi Pjazza San Pietru għall-udjenza ġenerali tiegħu tal-Erbgħa fl-20 ta’ Marzu. Ritratt: Vatican Media

Franġisku enfasizza ukoll li l-virtujiet mhumiex kunċetti statiċi iżda minflok jiffurmaw “organiżmu ħaj” u punt ta’ laqgħa, u djalogu, mal-antikità.

Il-virtujiet mhumiex “prerogattiva esklussiva tal-Insara iżda pjuttost jappartjenu għall-wirt tal-għerf tal-qedem, b’mod partikolari tal-filosfi Griegi,” qal il-papa.

“Il-ħajja hija magħmula minn koinċidenza kostanti ta’ affarijiet qodma u ġodda, u mhux dejjem tajjeb li naħsbu li d-dinja tibda magħna, li rridu nħabbtu wiċċna ma’ problemi li jibdew mill-bidu.”

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA