Almudena Martinez-Bordiu via ACI Prensa / Catholic News Agency
Il-Jum Dinji tal-Fqar sar wieħed mill-aktar avvenimenti sinifikanti fil-kalendarju tal-Vatikan. Minn meta twaqqaf mill-Papa Franġisku fl-2017, ġew żviluppati bosta inizjattivi favur dawk l-aktar fil-bżonn.
Din is-sena, l-avveniment kien immarkat minn ġest personali tas-Santu Missier: id-donazzjoni ta’ par żarbun tiegħu stess lil Giuseppe, raġel bla dar li ilu snin jgħix fit-toroq ta’ Ruma.
Il-ġimgħa l-oħra, is-Santu Missier irċieva par żarbun ġdid daqs 42. Fid-dawl ta’ din il-ġurnata, li ġiet iċċelebrata nhar is-17 ta’ Novembru, il-papa tahom lill-Uffiċċju tal-Almoniera Appostolika jew Dikasterju għall-Karità, sabiex ikunu jistgħu jingħataw donazzjoni lil dawk li kellhom bżonnhom.
Hekk qal il-prefett tad-dikasteru, il-Kardinal Konrad Krajewski, il-Vatikan News. Ġużeppi mar fl-uffiċċju tal-Almoner u talab żraben ġodda, peress li tiegħu kienu mikula għal kollox.
“Minnufih irċieva ż-żraben mingħand is-Santu Missier,” spjega l-Kardinal. Minbarra l-istess daqs ta’ żarbun, Giuseppe u l-Papa Franġisku qasmu mument speċjali: ikla fis-Sala Pawlu VI b’1,300 persuna fil-bżonn.
Din il-ġurnata kienet ikkaratterizzata minn inizjattivi oħra ta’ karità, bħall-estensjoni tal-ħinijiet tal-ftuħ tal-klinika li tinsab taħt il-Bernini Colonnade fi Pjazza San Pietru, li taqdi 150 persuna bla dar kuljum.
Il-Kardinal Krajewski saħaq li kulħadd jingħata kura medika sħiħa, iżda huwa wkoll mismugħ u jingħata attenzjoni, peress li “r-restawr tad-dinjità jinvolvi wkoll is-smigħ.”
Qabel l-ikla, il-Papa Franġisku ċċelebra Quddiesa li fiha talab lin-nies biex ma jħarsux ’il bogħod mill-bżonnijiet tal-oħrajn, iżda biex imissu id il-foqra u jġibulhom it-tama li Alla ma jinsihomx.
Żraben tal-Papa Franġisku
Minn mindu ġie elett Isqof ta’ Ruma, il-Papa Franġisku ma riedx jilbes iż-żraben tradizzjonali tal-ġilda ħamra u għażel li jkompli jilbes l-istess żarbun iswed sempliċi li kien juża fl-Arġentina.
Dawn saru f’ħanut tradizzjonali taż-żraben ortopediċi fil-periferija ta’ Buenos Aires mill-iskarpan Arġentin Carlos Samaria. Fil-bidu tal-pontifikat tiegħu, il-Papa Franġisku sejjaħ lil Samarija, li dak iż-żmien kellu 81 sena, minn Ruma biex jissewwew iż-żraben qodma tiegħu.
Samaria ddeskriva ż-żraben li jintlibsu mill-Papa bħala “sempliċi, magħmulin minn ġilda ta’ għoġol iswed, b’wiċċ lixx, mingħajr frilli. Jekk taqbad waħda miż-żraben tal-Papa, tidher mingħajr ebda dekorazzjoni iżda bil-lazzijiet.”
“Ma jridx żraben ġodda; ġabni biss biex nirranġa dawk qodma tiegħu, imma issa qed inħejjilu par sempliċi imma ġodda meta jgħidli li nista’ nżuru,” qal l-iskarpan Arġentin f’April tal-2013.
Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ispagnol jappartjeni lill-ACI Prensa u Catholic News Agency.
Ritratt: Immaġni ta’ referenza taż-żraben tal-Papa Franġisku. Kreditu: Daniel Ibáñez/EWTN News. Ritratti kollha miġbura via Catholic News Agency Access for Editors