Il-Papa Franġisku jagħmel żjara sorpriża lil 200 tifel u tifla f’Ruma

Almudena Martínez-Bordiú via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku għamel żjara speċjali mill-Vatikan ilbieraħ waranofsinhar u ltaqa’ ma’ grupp ta’ 200 tifel u tifla f’parroċċa fil-periferija ta’ Ruma.

Fi stqarrija qasira maħruġa mill-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede ntqal li s-Santu Missier mar il-Parroċċa ta’ San Ġwann Marija Vianney f’Borghesiana, fil-Lvant tal-kapitali Taljana.

Hemmhekk il-Papa Franġisku ltaqa’ ma’ grupp ta’ 200 tifel u tifla li qed jistudjaw il-katekiżmu u b’mod rilassat wieġeb xi mistoqsijiet tagħhom.

Ritratti mil-laqgħa li ttellgħu fuq il-midja soċjali juru lis-Santu Missier bil-ferħ isellem lit-tfal.

Skont id-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni, għal madwar siegħa, il-“papa għamel sessjoni ta’ katekiżmu mat-tfal.”

Waqt li wieġeb il-mistoqsijiet tagħhom, offra katekeżi qasira dwar it-tema tat-talb ta’ radd il-ħajr, filwaqt li enfasizza li din hija waħda mill-aktar importanti fil-ħajja Nisranija.

Il-Papa Franġisku jiltaqa’ ma’ grupp ta’ 200 tifel u tifla li qed jistudjaw il-katekiżmu u b’mod rilassat wieġeb xi mistoqsijiet tagħhom fil-11 ta’ April, 2024, fil-Parroċċa ta’ San Ġwann Marija Vianney f’Borghesiana, l-Italja. Ritratt: Vatican Media

“Huwa importanti li nirringrazzjaw għal kollox. Pereżempju, jekk tidħol fid-dar ta’ persuna u ma tgħidx grazzi, jew ma tagħmilx tislima, huwa tajjeb? L-ewwel kelma hija ‘grazzi,’ allura t-tieni hija ‘jekk jogħbok,’” qal lit-tfal fil-parroċċa ta’ Borghesiana, li tinsab fin-naħa tal-Lvant tad-djoċesi.

“It-tielet kelma hija ‘maħfra’,” kompla l-Papa. “Persuna li qatt ma titlob maħfra hija tajba? Huwa diffiċli li titlob maħfra, kultant il-mistħija u l-kburija jmorru magħha. Imma importanti meta tgħid li jiddispjaċik ħafna. Tliet kelmiet: grazzi, jekk jogħbok, skużani.”

Wara dan, il-Papa Franġisku staqsa lit-tfal: “Imma titolbu? Kif titlobu? X’tista’ tgħid lill-Mulej?” Wieħed mit-tfal qal li hu u l-familja tiegħu jitolbu qabel ma jieklu.

“Qal xi ħaġa importanti. Imma taf li hemm tant tfal li m’għandhomx ikel? Nirringrazzja lill-Mulej talli tani l-ikel? Nirringrazzjah talli tani familja?” staqsa.

L-aħħar mistoqsija misset is-suġġett tal-fidi. “Imma intom Insara?” staqsa l-Papa Franġisku. “Għandkom il-fidi? Ejja ngħiduha flimkien. Grazzi, Mulej, talli tajtni l-fidi.”

Il-Papa Franġisku jiltaqa’ ma’ grupp ta’ 200 tifel u tifla li qed jistudjaw il-katekiżmu u b’mod rilassat wieġeb xi mistoqsijiet tagħhom fil-11 ta’ April, 2024, fil-Parroċċa ta’ San Ġwann Marija Vianney f’Borghesiana, l-Italja. Ritratt: Vatican Media

Waqt l-iskambju, waħda mill-aktar mistoqsijiet emozzjonali tat-tfal kienet minn tifla ta’ 10 snin jisimha Alice: “Kif nista’ nirringrazzja lill-Mulej filwaqt li għandi l-marda tiegħi?”

“Anke f’mumenti mudlama, irridu nirringrazzjaw lill-Mulej, għax jagħtina l-paċenzja biex nittolleraw id-diffikultajiet. Ejja ngħiduha flimkien: Grazzi, Mulej, talli tajtna s-saħħa biex nittolleraw l-uġigħ,” qal il-ponti. It-tfal staqsewh ukoll għaliex kien hemm il-mewt u s-solitudni.

“Irridu dejjem nirringrazzjawh, il-ħin kollu. Nagħtikom xi pariri,” qal il-Papa Franġisku. “Qabel ma torqod, aħseb: ‘Għaliex nistaʼ nirringrazzja lill-Mulej illum?’ Irroddu ħajr,” ħeġġeġ lit-tfal.

Fi tmiem il-laqgħa, it-tfal flimkien mas-Santu Missier qalu “Talba ta’ Radd il-Ħajr” komposta għall-okkażjoni, li ser isservi bħala tifkira ta’ mument straordinarju f’ħajjithom.

Qabel telaq, il-Papa Franġisku, sellem u ċċajta magħhom u ta bajda taċ-ċikkulata lil kull wieħed mit-tfal.

Lis-saċerdoti u lill-20 katekist preżenti ta l-ewwel sitt volumi ppubblikati fis-sensiela “Noti dwar it-Talb”.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. 

LURA GĦALL-FAĊĊATA