Courtney Mares via Catholic News Agency
Il-Papa Franġisku għamel żjara sorpriża fil-Bażilika ta’ Santu Wistin nhar it-Tlieta, 27 ta’ Awwissu ,biex jitlob fuq il-qabar ta’ Santa Monika.
Waqt iż-żjara tiegħu fil-bażilika qrib Piazza Navona fiċ-ċentru storiku ta’ Ruma, il-Papa talab fil-kappella tal-ġenb li fiha l-qabar ta’ Santa Monika f’jum il-festa tagħha, is-27 ta’ Awwissu.
Santa Monika hija onorata fil-Knisja għall-eżempju qaddis tagħha u l-interċessjoni tat-talb iddedikat għal binha, Santu Wistin, qabel il-konverżjoni tiegħu. Illum il-Kattoliċi jirrikorru lejn Santa Monika bħala interċessur għall-membri tal-familja li huma ’l bogħod mill-Knisja. Hija l-qaddisa patruna tal-ommijiet, in-nisa, ir-romol, iż-żwiġijiet diffiċli u l-vittmi tal-abbuż.
Imwielda f’familja Kristjana fl-Afrika taʼ Fuq fl-332, Monika ngħatat bi żwieġ lil Patricius, pagan li kellu disprezz għar-reliġjon ta’ martu. Hija ttrattat bil-paċenzja t-temperament ħażin ta’ żewġha u l-infedeltà lejn il-wegħdiet taż-żwieġ tagħhom, u l-paċenzja fit-tul u t-talb tagħha ġew ippremjati meta Patricius tgħammed fil-Knisja sena qabel mewtu.
Meta Wistin, il-kbir minn tlett itfal, sar Manikean, Monika marret bid-dmugħ għand l-isqof biex titlob l-għajnuna tiegħu, u dan wieġeb b’mod famuż: “It-tifel ta’ dawk id-dmugħ m’għandu qatt jitħassar.”
Hija kompliet tixhed il-konverżjoni u l-magħmudija ta’ Wistin minn Sant’Ambroġ 17-il sena wara, u Wistin sar isqof u duttur tal-Knisja.
Wistin irreġistra l-istorja tal-konverżjoni tiegħu u d-dettalji tar-rwol ta’ ommu fl-awtobijografija tiegħu Il-Konfessjonijiet. Hu kiteb, u ndirizza lil Alla: “Ommi, il-leali tiegħek, bkiet quddiemek għan-nom tiegħi iktar milli l-ommijiet jibku l-mewt tal-ġisem ta’ wliedhom.”
Santa Monika mietet ftit wara l-magħmudija ta’ binha f’Ostia, ħdejn Ruma, fis-sena 387. Ir-relikwi tagħha ġew imċaqalqa minn Ostia għall-Bażilika ta’ Santu Wistin f’Ruma fl-1424.
Wara li żar il-qabar ta’ Santa Monika, il-Papa Franġisku waqaf ukoll biex jitlob quddiem il-kwadru ta’ Caravaggio tal-bażilika, Madonna ta’ Loreto, magħrufa wkoll bħala l-Madonna tal-Pellegrini.
Il-Bażilika ta’ Santu Wistin tinsab ħdejn il-Panteon u l-kantuniera minn Piazza Navona ta’ Ruma. Il-bażilika fiha wkoll statwa tas-seklu 16 tal-Verġni Marija magħrufa bħala l-Madonna tal-Parto, jew il-Madonna ta’ Twassil Sikur, fejn ħafna nisa talbu għal twelid sikur.
Din ma kinitx l-ewwel darba li l-Papa Franġisku għamel żjara sorpriża fil-Bażilika ta’ Santu Wistin. Il-Papa żar ukoll il-qabar ta’ Santa Monika f’jum il-festa tagħha fl-2020 u offra Quddiesa fil-bażilika f’jum il-festa ta’ Santu Wistin fit-28 ta’ Awwissu, 2013.
Fl-omelija tiegħu, il-Papa kkwota l-ewwel linja tal-Konfessjonijiet ta’ Wistin: “Int għamilna għalik innifsek, Mulej, u qalbna hi bla kwiet sakemm tistrieħ fik.”
Il-Papa Franġisku żied jgħid: “F’Wistin kien proprju dan l-inkwiet f’qalbu li wasslu għal laqgħa personali ma’ Kristu; wasslu biex jifhem li l-Alla remot li kien qed ifittex kien Alla li hu qrib kull bniedem, Alla qrib qalbna, li hu ‘aktar ġewwa fija mill-ġewwieni tiegħi stess’.”
Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.