Il-Papa Franġisku ġie msejjaħ kardinal 23 sena ilu

via Catholic News Agency / ACI Prensa

Fil-21 ta’ Frar, 2001, San Ġwanni Pawlu II għamel kardinal l-Arċisqof ta’ Buenos Aires ta’ dak iż-żmien, Jorge Mario Bergoglio, membru tal-ewwel grupp ta’ 43 kardinal ġdid tat-tielet millennju.

Snin wara, fis-27 ta’ April 2014, il-Papa Franġisku pproklama qaddisin lil San Ġwanni Pawlu II u San Ġwanni XXIII, f’ċerimonja storika u bla preċedent li ġabret flimkien erba’ papiet, hekk kif fiha ħa sehem il-Papa Emeritu Benedittu XVI.

San Ġwanni Pawlu II ħoloq 231 Kardinal fil-kważi 27 sena ta’ pontifikat tiegħu. F’dik l-okkażjoni, il-papa Pollakk indirizza lill-kardinali l-ġodda bil-messaġġ li ġej: “Id-dinja ssir dejjem aktar kumplessa, u l-għarfien ħaj tad-diskrepanzi eżistenti jipproduċi jew iżid kontradizzjonijiet u żbilanċi.

“Il-potenzjal enormi tal-progress xjentifiku u tekniku, kif ukoll il-fenomenu tal-globalizzazzjoni, li kontinwament jestendi għal oqsma ġodda, jirrikjedu li nkunu miftuħa għad-djalogu ma’ kull persuna u kull entità soċjali, sabiex nagħtu raġuni għat-tama lil kulħadd li nġorru f’qalbna.

Il-Papa Benedixt XVI jiltaqa’ mal-Kardinal Jorge Mario Bergoglio fit-13 ta’ Mejju, 2007. Ritratt: L’Osservatore Romano/CNA

“Biex tkun tista’ tiffaċċja b’mod adegwat din il-ħidma ġdida, jeħtieġ li tkun ikkultivata komunjoni dejjem aktar intima mal-Mulej. Il-kulur vjola tal-ilbies li tilbsu ifakkarkom f’din l-urġenza,” żied jgħid.

“Meta jħares lejk, il-poplu ta’ Alla jrid ikun jista’ jsib punt ta’ referenza konkret u luminuż li jqanqalhom biex ikunu tassew dawl tad-dinja,” ħeġġeġ San Ġwanni Pawlu II.

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ispagnol jappartjeni lill-Catholic News Agency. Dan l-artiklu kien ippubblikat oriġinarjament fuq ACI Prensa.

LURA GĦALL-FAĊĊATA