Francesca Pollio Fenton via Catholic News Agency
Fl-indirizz tal-Angelus tiegħu nhar il-Ġimgħa, l-1 ta’ Novembru, fis-solennità tal-Qaddisin Kollha, il-Papa Franġisku tkellem dwar dak li sejjaħ “il-karta tal-identità” tal-Insara.
B’referenza għas-silta tal-Evanġelju tal-ġurnata, il-beatitudnijiet mill-Evanġelju ta’ Mattew, is-Santu Missier poġġa l-mistoqsija: “U x’inhi l-karta tal-identità tan-Nisrani? Il-beatitudnijiet. Hija l-karta tal-identità tagħna, u wkoll it-triq tal-qdusija.”
Il-Papa rrimarka li “Ġesù jurina t-triq, dik tal-imħabba,” u din isservi bħala “kemm rigal mingħand Alla kif ukoll ir-rispons tagħna”.
B’referenza lil San Pawl, il-Papa spjega li dan huwa don mingħand Alla għax “huwa hu li jqaddes. U għalhekk il-Mulej huwa l-ewwel li nitolbu biex jagħmilna qaddisin, biex qalbna tixbah lil tiegħu.”
Il-Qaddis Missier fakkar lill-fidili li Alla ma jimponix il-qdusija tiegħu fuqna, anzi “jiragħha fina, jagħmilna nduqu t-togħma tagħha u naraw is-sbuħija tagħha, imma mbagħad jistenna t-tweġiba tagħna”.
Il-Papa rabat din l-ispjegazzjoni lura mal-qaddisin tal-Knisja u kif naraw dawn il-karatteristiċi għexu f’kull wieħed minnhom. Huwa enfasizza l-ħajja ta’ San Massimiljan Kolbe, li ħa post missier ikkundannat għall-mewt f’Auschwitz; Santa Tereża ta’ Calcutta, li għexet ħajjitha taqdi lill-ifqar fost il-foqra; u San Oscar Romero, isqof li waqt li kien qed jiċċelebra Quddiesa nqatel talli tkellem kontra l-inġustizzji soċjali.
Il-Papa Franġisku rrimarka lill-qaddisin li jħobb isejjaħ “il-qaddisin ‘bieb ta’ ħdejn’, dawk ta’ kuljum, moħbija, li jimxu ‘l quddiem fil-ħajja Nisranija tagħhom ta’ kuljum.”
“Ħuti, kemm hemm qdusija moħbija fil-Knisja! Nagħrfu tant aħwa ffurmati mill-beatitudnijiet: foqra, ħelwin, ħanin, bil-ġuħ u għatx għall-ġustizzja, ħaddiema għall-paċi,” qal. “Huma nies ‘mimlijin b’Alla’, inkapaċi li jibqgħu indifferenti għall-bżonnijiet tal-proxxmu; huma xhieda ta’ mogħdijiet brillanti, possibbli għalina wkoll.”
Huwa temm billi talab lill-fidili biex jaħsbu fuq dawn il-mistoqsijiet: “Nitlob lil Alla, fit-talb, id-don ta’ ħajja qaddisa? Inħalli nkun iggwidat mill-impulsi tajbin li l-Ispirtu tiegħu jispira fija? U nimpenja ruħi personalment biex nipprattika l-beatitudnijiet tal-Vanġelu, fl-ambjenti li ngħix fihom?”
Talb għal dawk milquta minn gwerra u diżastri naturali
Wara l-Angelus, il-Papa Franġisku esprima l-qrubija tiegħu mal-poplu taċ-Ċad, speċjalment il-familji tal-vittmi tal-attakk terroristiku riċenti li ħalla 40 suldat mejta fuq bażi militari, kif ukoll dawk milquta minn għargħar qawwi fi Spanja, meqjus bħala wieħed minn l-agħar diżastri naturali fl-istorja moderna ta’ dak il-pajjiż.
Is-Santu Missier talab ukoll lill-fidili biex ikomplu jitolbu għall-Ukrajna kif ukoll għall-poplu tal-Palestina, Iżrael, Libanu, Myanmar, Sudan, u dawk kollha li jbatu minħabba l-gwerra, li fakkar lis-semmiegħa “hija dejjem telfa, dejjem!”
Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.