Il-Papa Franġisku fil-Ħniena Divina: ‘Il-milja tal-ħajja’ titwettaq ‘f’Ġesù’

Matthew Santucci via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku waqt ir-Regina Caeli nhar il-Ħadd tal-Ħniena Divina nnota li “l-milja tal-ħajja” ma tiġix mill-insegwiment ta’ pjaċir transitorju iżda hija “realizzata f’Ġesù”.

“Biżżejjed li jkollok il-ħajja,” qal il-Papa, “biżżejjed li wieħed jiftaħ għajnejh fuq Ġesù msallab u rxoxt, jiltaqa’ miegħu fis-sagramenti u fit-talb, jagħraf li hu preżenti, jemmen fih, iħalli lilu nnifsu jintmess mill-grazzja tiegħu u jiġi mmexxi mill-eżempju tiegħu biex jesperjenza l-ferħ li jħobb bħalu. Kull laqgħa ħajja ma’ Ġesù tgħinna jkollna aktar ħajja.”

Il-Ħadd tal-Ħniena Divina, imwaqqfa minn San Ġwanni Pawlu II matul is-Sena tal-Ġublew 2000, jiġi ċċelebrat fit-Tieni Ħadd tal-Għid.

Il-Papa fakkar fid-dixxipli, skoraġġuti u mwarrbin wara l-mewt ta’ Kristu, li kienu “għaddejjin mill-iktar mument traġiku fil-ħajja tagħhom”, imma il-miġja ta’ Kristu kienet mument profondament trasformattiv għalihom – wieħed li mhux biss juri l-ħniena tiegħu iżda li bih wiegħed ikollu ħajja ġdida.

“L-Irxoxt ġie u wrihom il-ġrieħi tiegħu,” qal il-Papa. “Kienu sinjali ta’ tbatija u wġigħ u setgħu jqanqlu sentimenti ta’ ħtija, iżda ma’ Ġesù saru kanali ta’ ħniena u maħfra.

“Id-dixxipli raw u missu b’idejhom il-fatt li ma’ Ġesù, il-ħajja tirbaħ; il-mewt u d-dnub huma megħluba. U rċevew d-don tal-Ispirtu tiegħu, li jagħtihom ħajja ġdida, bħala wlied maħbubin, mimlijin ferħ, mħabba u tama.”

L-immaġni tal-Ħniena Divina tintwera fi Pjazza San Pietru qabel it-talb tal-Papa Franġisku tar-Regina Caeli fis-7 ta’ April. Ritratt: Alberto Pizzoli/AFP via Getty Images via CNA

Il-Papa Franġisku ppreżenta dan il-messaġġ b’kuntrast man-narrattivi prevalenti tal-lum il-ġurnata dwar x’jagħmel ħajja tajba, filwaqt li osserva li l-ħajja tal-lum hija “tellieqa frenetika biex tgawdi u jkollok ħafna affarijiet”.

Waqt li wissa kontra din il-​ħarsa materjalistika, saħaq li “meta wieħed isegwi t-​triq tal-​pjaċir u l-​qawwa, wieħed ma jsibx il-​ferħ.”

“Tabilħaqq, ħafna aspetti tal-​eżistenza jibqgħu bla tweġiba, bħall-​imħabba, l-​esperjenzi inevitabbli taʼ wġigħ, taʼ limitazzjonijiet, u taʼ mewt. U allura l-ħolma komuni li lkoll għandna tibqa’ mhux imwettqa,” kompla l-Papa.

Biex nikkumbattu din it-tendenza, l-Papa ħeġġeġ lill-fidili biex jagħmlu l-mistoqsijiet li ġejjin: “Nemmen jien fil-qawwa tal-qawmien ta’ Ġesù, fir-rebħa tiegħu fuq id-dnub, il-biża’ u l-mewt? Inħalli lili nnifsi jkolli relazzjoni miegħu? U nħalli lili nnifsi niġi mqanqal minnu biex inħobb lil ħuti, u nittama kuljum?”

Fi tmiem ir-Regina Caeli, il-Papa għamel l-appell tiegħu għal “paċi dejjiema fl-Ukrajna itturmentata” kif ukoll fil-Palestina u l-Iżrael billi talab lill-mexxejja biex isibu mod kif inaqqsu t-tensjonijiet u biex jinnegozjaw.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA