Il-Papa fl-Angelus: Il-Knisja hija qrib kull min hu marid jew midrub

Courtney Mares via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-Insara jxerrdu l-imħabba t’Alla mal-morda “b’azzjonijiet konkreti” fid-diskors tiegħu tal-Angelus nhar il-Ħadd fil-festa tal-Madonna ta’ Lourdes.

Il-Papa ta d-diskors tiegħu waqt xita qliel f’Ruma mit-tieqa tal-Palazz Appostoliku lil folla miġbura taħt bosta umbrelel. Qal li ried jesprimi li “l-Knisja hija qrib dawk kollha li huma morda jew midruba.”

“Illum, waqt li nfakkru l-Verġni Mqaddsa ta’ Lourdes, niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Morda,” qal il-Papa Franġisku fil-11 ta’ Frar.

“Aħna lkoll mitluba li nkunu preżenti għal dawk li jbagħtu, u li nżuru l-morda kif jgħallimna Ġesù fl-Evanġelju,” żied jgħid.

Il-Papa ta d-diskors tiegħu waqt xita qliel f’Ruma mit-tieqa tal-Palazz Appostoliku nhar il-Ħadd. Ritratt: Vatican Media/CNA

‘Għemejjel konkreti

Fl-indirizz tiegħu tal-Angelus, il-Papa talab lin-nies jirriflettu fuq kif huma stess jgħinu ’l morda “f’termini reali”.

“Meta kienet l-aħħar darba li mort inżur lil xi ħadd marid?”

“Jew meta kienet l-aħħar darba li biddilt il-pjanijiet tiegħi biex ngħin lil xi ħadd li talabni l-għajnuna?” staqsa.

Il-Knisja Kattolika timmarka l-Jum Dinji tal-Morda kull sena fil-11 ta’ Frar, fil-festa tal-Madonna ta’ Lourdes. Is-Santwarju tal-Madonna ta’ Lourdes fi Franza huwa assoċjat mal-morda minħabba nixxiegħa mirakoluża li minnha ħafna nies kisbu fejqan fiżiku.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II nieda l-Jum Dinji tal-Morda fl-1992 bħala “żmien speċjali ta’ talb fejn wieħed joffri t-tbatija tiegħu għall-ġid tal-Knisja, u li tfakkar lil kulħadd biex jara f’ħuh marid il-wiċċ ta’ Kristu li, bit-tbatija, il-mewt u l-qawmien tiegħu, kiseb is-salvazzjoni tal-umanità.”

Waqt li ta r-riflessjoni tiegħu fuq l-Evanġelju tal-Ħadd, il-Papa Franġisku qal li meta Ġesù fejjaq bniedem lebbruż fl-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Mark, dan kien eżempju ċar “tal-istil ta’ Ġesù” li jżewweġ kliemu “b’għemejjel konkreti.”

Il-folla semgħet id-diskors tal-papa miġbura taħt l-umbrelel. Ritratt: Vatican Media/CNA

L-imħabba trid tkun tanġibbli’

“L-imħabba teħtieġ li tkun tanġibbli,” qal il-Papa Franġisku. L-imħabba teħtieġ preżenza u komunjoni. Jeħtieġ li tingħata ħin u spazju.”

Il-Papa saħaq li l-imħabba ma tistax tiċċekken “f’kliem sabiħ, xbiegħat fuq skrin, selfies ta’ dak il-ħin, jew messaġġi mgħaġġlin.”

Qal li meta n-nies ikunu morda, l-ewwel ħaġa li jkollhom bżonn – minbarra l-attenzjoni tal-professjonisti tal-kura medika – huma l-maħbubin tagħhom.

Il-Papa Franġisku qal li, speċjalment fil-Jum Dinji tal-Morda, “ma nistgħux nibqgħu siekta dwar il-fatt li hemm ħafna nies illum li għalihom id-dritt għall-kura, u appuntu d-dritt għall-ħajja, hija miċħuda.”

Il-Papa Franġisku talab għall-Ukrajna, l-Palestina, l-Iżrael u l-Myanmar waqt l-Angelus nhar il-Ħadd f’Ruma. Ritratt: Vatican Media/CNA

“Qed naħseb f’dawk li jgħixu f’faqar estrem, imma wkoll dawk li jgħixu qalb il-gwerer fejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem huma miksura kuljum. Huwa intollerabbli,” qal il-papa.

“Ejjew nitolbu għall-Ukrajna msawwta, għall-Palestina u għall-Iżrael. Ejjew nitolbu għall-Myanmar u għall-popli kollha li huma tturmentati mill-gwerra.”

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA