Il-Papa f’Ħadd il-Palm: Ġesù daħal Ġerusalemm bħala sultan umli

Courtney Mares via Catholic News Agency

Nhar Ħadd il-Palm, mijiet ta’ saċerdoti, isqfijiet, kardinali u lajċi ġarrew b’mod solenni friegħi kbar tal-palm f’purċissjoni minn Pjazza San Pietru biex tibda l-ewwel liturġija tal-Ġimgħa Mqaddsa.

“Għeżież ħuti, mill-bidu tar-Randan sa issa ħejjejna qalbna bil-penitenza u l-opri ta’ karità,” qal il-Papa Franġisku b’leħen għajjien fil-bidu tal-Quddiesa ta’ Ħadd il-Palm fl-24 ta’ Marzu.

“Illum ninġabru flimkien biex inħabbru mal-Knisja kollha l-bidu taċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tal-Għid ta’ Sidna Ġesù Kristu, jiġifieri tal-passjoni u l-qawmien tiegħu.”

Kardinali u isqfijiet iġorru friegħi tal-palm imżejjen b’mod kumpless fil-purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm fi Pjazza San Pietru fl-24 ta’ Marzu. Ritratt: Bénédicte Cedergren/EWTN News

Waqt li kien qed jitkellem fi Pjazza San Pietru mżejna bil-pali u l-ħdura, il-papa stieden lill-folla biex timxi fuq il-passi ta’ Ġesù hekk kif daħal Ġerusalemm “biex bil-grazzja tiegħu jsiru parteċipanti tas-salib u jkollna sehem ukoll fil-qawmien tiegħu u f’ħajtu.”

Il-Papa Franġisku għażel li ma jaqrax l-omelija mħejjija għall-Quddiesa ta’ Ħadd il-Palm fl-aħħar minuta mingħajr spjegazzjoni. Il-Papa ta’ 87 sena, li wasal għall-Quddiesa f’siġġu tar-roti, kellu lill-assistenti jaqrawlu xi wħud mid-diskorsi tiegħu fl-aħħar ġimgħat.

Il-Papa Franġisku jasal għall-Quddiesa ta’ Ħadd il-Palm f’siġġu tar-roti fl-24 ta’ Marzu 2024. Ritratt: Bénédicte Cedergren/EWTN News

Il-papa qara t-talb għall-Quddiesa u tkellem fi tmiem il-liturġija, fejn offra appell għall-paċi fl-Ukrajna u talb għall-vittmi tal-attakk terroristiku f’Moska.

Fl-appell tiegħu għall-paċi, il-Papa Franġisku ta riflessjoni qasira dwar ir-rakkont tal-Evanġelju tad-dħul ta’ Ġesù f’Ġerusalemm fuq ħmar bħala l-Prinċep tal-Paċi.

“Għeżież ħuti, Ġesù daħal Ġerusalemm bħala sultan umli u paċifiku. Ejjew niftħu qalbna miegħu. Hu biss jista’ jeħlisna mill-għedewwa, mill-mibegħda, mill-vjolenza, għax hu l-ħniena u l-maħfra tad-dnubiet,” qal il-papa. Ħadd il-Palm huwa l-unika Quddiesa tas-sena li fiha jiġu mħabbra żewġ Vanġeli.

Il-Papa Franġisku fil-Quddiesa ta’ Ħadd il-Palm fi Pjazza San Pietru fl-24 ta’ Marzu. Ritratt: Vatican Media

Fil-bidu tal-Quddiesa nqara b’leħen għoli r-rakkont ta’ Mark dwar Ġesù dieħel Ġerusalemm u wara tħabbret solennement il-Passjoni tal-Mulej b’kor li kanta l-kliem tal-folla.

Huwa stmat li 60,000 ruħ kienu fil-Quddiesa papali, skont il-Ġendarmi tal-Vatikan.

Fi tmiem il-liturġija, il-Papa Franġisku rikeb minn Pjazza San Pietru fuq il-popemobile u sellem lill-pellegrini entużjasti li xejru bnadar u ferrħu.

Il-Papa Franġisku fil-Quddiesa ta’ Ħadd il-Palm fi Pjazza San Pietru fl-24 ta’ Marzu. Ritratt: Vatican Media

Il-Papa Franġisku għandu skeda impenjattiva għall-Ġimgħa Mqaddsa. Il-Ħamis filgħodu se jippresiedi Quddiesa tal-Griżma fil-Bażilika ta’ San Pietru qabel ma jmur f’ħabs tan-nisa f’Ruma biex joffri l-Quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka.

Il-papa huwa skedat ukoll li jippresiedi ċelebrazzjoni għall-Passjoni tal-Mulej nhar il-Ġimgħa l-Kbira fil-Vatikan u jmexxi d-devozzjoni ta’ Via Sagra fil-Kolossew ta’ Ruma.

Purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm fi Pjazza San Pietru fl-24 ta’ Marzu. Ritratt: Bénédicte Cedergren/EWTN News

Nhar Sibt il-Għid, il-Papa Franġisku se jippresiedi l-liturġija fejn se jgħammed Kattoliċi ġodda.

L-Għid il-Kbir filgħodu, il-Papa Franġisku se jkun lura fi Pjazza San Pietru għall-Quddiesa u se jagħti l-barka annwali tal-Għid urbi et orbi.

Quddiesa ta’ Ħadd il-Palm fi Pjazza San Pietru fl-24 ta’ Marzu. Ritratt: Bénédicte Cedergren/EWTN News

Fi tmiem il-quddiesa ta’ Ħadd il-Palm, il-Papa Franġisku qal: “U issa nduru fit-talb lejn il-Verġni Marija. Ejjew nitgħallmu minnha biex nibqgħu qrib Ġesù fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, biex naslu għall-ferħ tal-Qawmien.”

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA