Victoria Cardiel u David Ramos via Catholic News Agency
Fl-ewwel Regina Caeli tiegħu mit-tieqa tal-Palazz Appostoliku, il-Papa Ljun XIV irringrazzja lill-fidili għall-imħabba li wrewh filwaqt li talabhom ukoll — kif spiss kien jagħmel il-predeċessur tiegħu Franġisku — biex jitolbu għalih.
“Ftit jiem ilu biss, bdejt il-ministeru tiegħi fostkom, u fuq kollox, nixtieq nirringrazzjakom għall-imħabba li qed turuni; fl-istess ħin, nitlobkom issostnuni bit-talb u l-qrubija tagħkom,” esklama l-pontifex, li sa dan il-Ħadd kien talab it-talba Marjana mill-gallarija ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru.
Eluf ta’ nies inġabru fi Pjazza San Pietru, ixejru bnadar minn diversi pajjiżi u jżommu sinjali li jgħidu “Viva l-Papa Ljun XIV!”
Fid-diskors tiegħu, il-Papa rrikonoxxa li “f’kull ħaġa li l-Mulej isejħilna għaliha — fil-ħajja u fil-fidi — xi kultant inħossuna inadegwati.”

Madankollu, fid-dawl tal-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd, insista li m’għandniex niffokaw fuq is-saħħa tagħna stess “iżda pjuttost fuq il-ħniena tal-Mulej li għażilna, fiduċjużi li l-Ispirtu s-Santu jiggwidana u jgħallimna kollox.”
Huwa żied jgħid: “Huwa sabiħ li, meta nikkunsidraw is-sejħa tagħna, ir-responsabbiltajiet u n-nies fdati lilna, l-impenji li nieħdu, u s-servizz tagħna fil-Knisja, kull wieħed u waħda minna jista’ jgħid b’kunfidenza: Għalkemm jien fraġli, il-Mulej ma jistħix mill-umanità tiegħi; għall-kuntrarju, jiġi jgħammar fija.”
Il-Papa jgħid lis-sindku ta’ Ruma: ‘Illum nista’ ngħid li jien Ruman’
“Illum nista’ ngħid li permezz tiegħek u miegħek, jien Ruman.” B’dawn il-kelmiet, il-Papa Ljun XIV indirizza lis-sindku ta’ Ruma, Roberto Gualtieri, li sellmu ftit minuti qabel ma telaq lejn il-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran biex jieħu l-pussess tas-sedja tal-isqof ta’ Ruma.
L-SUV Volkswagen armat li kien qed iġorr lill-Papa telaq mill-Vatikan għall-ħabta tal-4 pm ħin lokali u sejjer lejn il-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran, il-katidral ta’ Ruma, fejn kien skedat li jiġi installat bħala Isqof ta’ Ruma wara li jiċċelebra l-Quddiesa fil-5 pm.

Qabel ma waslet fil-bażilika — l-ewwel dar ewlenija ta’ qima Kristjana mibnija f’Ruma wara li l-Imperatur Kostantinu llegalizza l-libertà reliġjuża fis-sena 313 AD — il-vettura uffiċjali waqfet fi Piazza dell’Aracoeli f’riġlejn it-taraġ tal-Għolja Capitolina, fejn tinsab id-daħla prinċipali tal-Palazzo Senatorio, is-sede tal-gvern muniċipali ta’ Ruma. Hemmhekk, Gualtieri laqa’ lill-papa.
“Ftit wara l-elezzjoni,” fakkar Ljun XIV, “għedt lill-aħwa miġbura fi Pjazza San Pietru li jien magħhom, Nisrani u għalihom, isqof; illum, b’mod speċjali, nista’ ngħid li permezz tagħkom u magħkom, jien Ruman,” qal, waqt li ġibed ovazzjoni kbira minn dawk preżenti.
Quddiem diversi uffiċjali ċivili u militari, il-Papa Ljun XIV enfasizza d-dimensjonijiet spiritwali u soċjali tal-missjoni episkopali tiegħu: “Hekk kif nibda uffiċjalment il-ministeru tiegħi bħala ragħaj ta’ din id-djoċesi, inħoss ir-responsabbiltà serja iżda passjonata li naqdi lill-membri kollha tagħha, bil-fidi tal-poplu ta’ Alla u l-ġid komuni tas-soċjetà fuq quddiem nett f’qalbi.”
Huwa enfasizza wkoll l-impenn tiegħu għall-kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet amministrattivi lokali: “Aħna kollaboraturi, kull wieħed fl-isfera istituzzjonali tiegħu stess.”
Il-Papa Ljun XIV tkellem dwar il-missjoni storika tal-Knisja Kattolika fil-kapitali Taljana u enfasizza kif, għal żewġ millenji, il-Knisja għexet il-missjoni appostolika tagħha f’Ruma “billi xxandar l-Evanġelju ta’ Kristu u impenjat ruħha għall-karità.”
“L-edukazzjoni taż-żgħażagħ, l-għajnuna lil dawk li jsofru, il-kura tal-emarġinati, u t-trawwim tal-arti huma espressjonijiet tal-impenn tagħna lejn id-dinjità umana — waħda li rridu nżommu f’kull ħin, speċjalment lejn iż-żgħar, id-dgħajfa, u l-foqra,” żied jgħid.
Meta tkellem dwar il-Ġublew tat-Tama inawgurat mill-predeċessur tiegħu l-Papa Franġisku, il-Papa Ljun esprima l-gratitudni tiegħu għall-“impenn tal-amministrazzjoni tal-belt, li għalih nesprimi r-ringrazzjament mill-qalb tiegħi.”
Fl-aħħar nett, qabel ma ta l-barka appostolika lil dawk preżenti, il-Papa Ljun XIV qasam it-tama tiegħu li Ruma — “bla paragun fl-għana tal-wirt storiku u artistiku tagħha” — tista’ dejjem tkun ukoll distinta minn “dawk il-valuri tal-umanità u ċ-ċivilizzazzjoni li jiġbdu l-forza tal-ħajja tagħhom mill-Evanġelju.”
L-ewwel omelija bħala isqof ta’ Ruma fil-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran
Il-Papa Ljun XIV għamel l-ewwel omelija tiegħu bħala isqof ta’ Ruma fil-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran, fejn ħa l-pussess tal-katedra (tron) tiegħu nhar il-Ħadd.
Il-Papa qal li l-komunjoni ekkleżjali tinbena “fuq irkopptejna, permezz tat-talb u impenn kostanti għall-konverżjoni” hekk kif semma l-eżempju tal-ewwel Insara, li ffaċċjaw l-isfidi li jxandru l-Evanġelju lil dinja pagana.

Waqt li rrifletta fuq l-episodju mill-Atti tal-Appostli, fejn l-ewwel Insara ddibattew dwar jekk il-Ġentili konvertiti kellhomx isegwu l-liġi ta’ Mosè, il-Papa Ljun XIV enfasizza li “din ma kinitx kwistjoni faċli; kienet teħtieġ ħafna paċenzja u smigħ reċiproku.”
Huwa rrefera għall-Konċilju ta’ Ġerusalemm, l-ewwel konċilju kbir tal-Knisja bikrija, li fih “infetaħ djalogu” li wassal għal deċiżjoni xierqa: “Billi rrikonoxxew id-diffikultajiet tal-konvertiti l-ġodda, qablu li ma jimponux piżijiet eċċessivi fuqhom iżda pjuttost li jinsistu biss fuq dak li kien essenzjali.”
“B’dan il-mod,” żied jgħid, “dak li seta’ deher bħala problema sar għal kulħadd opportunità għal riflessjoni u tkabbir.”
“L-aktar parti importanti tal-avveniment kollu,” enfasizza, “kienet li nisimgħu l-leħen t’Alla, li għamel kollox possibbli.” Hekk, qal, tinbena tassew il-komunjoni.
“Għax b’dan il-mod biss kull wieħed u waħda minna jista’ jisma’ minn ġewwa fih il-leħen tal-Ispirtu jgħajjat ‘Abba! Missier!’ u mbagħad, bħala riżultat, jisma’ u jifhem lil ħaddieħor bħala ħutna,” kompla jgħid.
Il-qari tal-Evanġelju tal-ġurnata saħħaħ dan il-punt. “Jassigurana li m’aħniex waħedna meta nieħdu d-deċiżjonijiet tagħna fil-ħajja. L-Ispirtu jsostnina u jurina t-triq li għandna nimxu magħha, ‘jgħallimna’ u ‘jfakkarna’ f’dak kollu li qal Ġesù,” afferma l-Papa.
“Iktar ma nħallu lilna nfusna niġu konvinti u trasformati mill-Evanġelju — billi nħallu l-qawwa tal-Ispirtu ssaffi qalbna, jagħmel kliemna sempliċi, xewqatna onesti u ċari, u azzjonijietna ġenerużi — aktar inkunu kapaċi nxandru l-messaġġ tiegħu,” żied jgħid.
Għal din ir-raġuni, huwa enfasizza li, matul il-proċess kollu — bħal fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm — “l-aktar smigħ importanti” huwa dak li tisma’ l-leħen t’Alla.
Waqt li indirizza lill-kardinali tal-Kurja Rumana, l-isqfijiet, is-saċerdoti, id-djakni, ir-reliġjużi, u l-lajċi tad-Djoċesi ta’ Ruma, il-Papa kompla: “Nixtieq nesprimi x-xewqa soda tiegħi li nikkontribwixxi għal dan il-proċess kbir li għaddej billi nisma’ lil kulħadd kemm jista’ jkun, sabiex nitgħallmu, nifhmu, u niddeċiedu l-affarijiet flimkien, kif kien jgħid Santu Wistin, ‘bħala Nisrani magħkom u isqof għalikom.’”
Il-Papa Ljun XIV jitlob quddiem l-ikona ta’ Marija f’Santa Marija Maggiore
Wara l-Quddiesa fejn ħa l-pussess tal-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran, il-katidral tal-isqof ta’ Ruma, il-Papa Ljun XIV mexa lejn il-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore, fejn il-Verġni Marija hija meqjuma taħt it-titlu “Salus Populi Romani” (“Saħħa tal-Poplu Ruman”).
Il-Qdusija Tiegħu waslet fil-bażilika ftit wara s-7pm ħin lokali. Malli daħal, bierek lill-fidili miġbura ġewwa bi tixrid qasir ta’ ilma mbierek.
Imbagħad daħal fil-kappella li fiha l-ikona Marjana, tradizzjonalment attribwita lil San Ġwann l-Evanġelista, u, niżel għarkupptejh, talab għal ftit minuti qabel ma poġġa bukkett fjuri f’riġlejn ix-xbieha tal-Omm Imqaddsa.

Wara l-kant tal-“Magnificat” — il-kantiku tal-Evanġelju li ntgħażel mill-Verġni Marija wara t-tħabbira tal-arkanġlu Gabrijel — il-Papa Ljun XIV offra talba lill-Omm Alla, fejn fakkar li hija “kollha pura, kollha venerabbli, l-ifjen offerta li l-umanità tista’ tippreżenta lil Alla.”
“Int tiggwida d-dgħajsa tal-Knisja lejn port ta’ paċi, tbiegħed il-perikli u tegħleb it-tempesti,” talab, waqt li talab lil Marija biex tħares “fuq din il-belt, tfarraġ lil dawk li jiġu fiha mingħajr kenn jew protezzjoni, u testendi l-kura tiegħek mad-dinja kollha.”
“Sors ta’ ferħ għal kulħadd, agħmilni denju li nifraħ miegħek,” żied jgħid.
Wara, żar il-qabar tal-Papa Franġisku u waqaf hemm biex jitlob.
Mill-gallarija tal-bażilika, il-Papa rringrazzja lill-fidili miġbura barra: “Grazzi talli qegħdin hawn, grazzi talli weqfin quddiem din il-bażilika llejla, hekk kif niċċelebraw, magħqudin bħala membri tad-Djoċesi ta’ Ruma, il-preżenza tal-isqof il-ġdid tagħha.”
“Ninsab kuntent ħafna li niltaqa’ magħkom hawn u nirringrazzjakom minn qalbi,” qal.
Din, innota, “hija opportunità sabiħa biex inġeddu d-devozzjoni tagħna lejn Marija, ‘Salus Populi Romani,’ li akkumpanjat lin-nies ta’ Ruma tant drabi fil-bżonn tagħhom.”
“Ejjew nitolbu lil Alla permezz tal-interċessjoni ta’ ommu biex ibierek lilkom ilkoll, lill-familji tagħkom, lill-maħbubin tagħkom, u biex jgħinna nimxu flimkien fil-Knisja,” qal.
Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. Ritratti kollha via Catholic News Agency Access for Editors.