F’pajjiż bħal Pakistan, fejn il-maġġoranza kbira tal-popolazzjoni hija Musulmana, il-komunitajiet Insara jsofru diskriminazzjoni kbira ta’ kuljum. Mhux biss jiġu mwarrba mis-soċjetà, iżda spiss jinqatgħu minn kull għajnuna bażika – xogħol, edukazzjoni, kura medika u anke ilma tajjeb għax-xorb.
Hawnhekk jidħlu l-Missjunarji tal-MSSP, fosthom Fr Pierre Bonnici mssp, li bis-sapport tan-nies ta’ Malta u Għawdex, qed jagħmlu differenza vera fil-ħajja ta’ dawn il-familji mwarrba. Waħda mill-akbar sfidi hija l-aċċess għal ilma nadif. Mingħajr ilma tajjeb għax-xorb, il-mard jinfirex malajr u ħafna minnhom jispiċċaw għal snin sħaħ jissieltu ma’ mard li seta’ ġie evitat. Fr Pierre ilu jmexxi proġett ta’ reverse osmosis, li bih jipprovdu ilma nadif lill-fqar. Diġà twaqqfu żewġ impjanti, iżda l-ħtieġa hi kbira ħafna, u l-għan hu li jinbnew oħrajn biex aktar nies jiġu megħjuna.

Il-missjunarji jipprovdu wkoll edukazzjoni għat-tfal, kura medika lill-morda u anke xogħol lil min jista’ jaħdem. Din is-sena, b’Oħloq Tbissima 2025, il-mira hi li jinġabru biżżejjed fondi biex isiru aktar dawn l-impjanti tal-ilma u biex aktar tfal ikunu jistgħu jmorru l-iskola b’dinjità.
It-23 edizzjoni ta’ Oħloq Tbissima se ssir mill-11 sat-13 ta’ Lulju u se tixxandar fuq TVM, Net, One u fliving. Din il-maratona hija l-pjattaforma li permezz tagħha kull wieħed minna jista’ jagħti daqqa t’id f’din il-missjoni ta’ tama. Kull ewro jgħodd u jista’ jfisser ġurnata aħjar għal dawn il-familji li mingħajr għajnuna jħossuhom minsijin mid-dinja.
Agħti minn qalbek, u ibqa’ segwi l-maratona biex tara l-ġid li qed isir grazzi għalik. Ejja nkunu parti minn dan il-miraklu ta’ solidarjetà!