Il-Knisja Filippina tippreżenta pittura ta’ tifla fil-proċess li ssir qaddisa

Diego López Marina via Catholic News Agency

Ir-ritratt uffiċjali tal-Qaddeja t’Alla Niña Ruíz-Abad ġie ppreżentat fis-7 ta’ April waqt il-ftuħ tal-fażi djoċesana tal-kawża tagħha għall-kanonizzazzjoni fil-Katidral ta’ San Guglielmu fil-belt ta’ Laoag li tinsab fir-reġjun ta’ Ilocos Norte tal-Filippini.

Jekk tiġi kkanonizzata, iż-żagħżugħa Filippina, li mietet fl-1993 ta’ 13-il sena, tista’ ssir waħda mill-iżgħar qaddisin fl-istorja.

Il-proċeduri, inkluża l-Quddiesa ċċelebrata minn Renato Mayugba, l-isqof ta’ Laoag, ttellgħu fuq is-sit soċjali Facebook. Iċ-ċerimonja bdiet b’purċissjoni tal-membri tad-Djoċesi ta’ Laoag segwita mill-qari tal-bijografija ta’ Ruíz-Abad u l-preżentazzjoni tad-dokumenti lill-isqof, li approvahom bħala leġittimi.

Wara, id-dokumenti ġew mgħoddija lill-uffiċjali tat-tribunal djoċesan, maħtura mill-isqof tal-post, li se jirċievu x-xhieda tal-poplu li kien jaf lil din il-qaddeja ta’ Alla. Dan it-tribunal ma joħroġ l-ebda deċiżjoni għax din hija riservata għad-Dikasteru tal-Vatikan għall-Kawżi tal-Qaddisin.

Il-Qabar tal-Qaddeja ta’ Alla Niña Ruiz Abad fil-kripta fil-Knisja ta’ Santa Monica, Sarrat, Ilocos Norte, il-Filippini. Ritratt: via Wikimedia Commons

Id-dokumenti kienu jinkludu ukoll xhieda ta’ allegati mirakli li setgħu seħħew permezz tal-interċessjoni ta’ Ruíz-Abad qabel il-ftuħ tal-proċess ta’ kanonizzazzjoni. F’każ wieħed, studenta fl-Akkademja tal-Ispirtu s-Santu fil-belt ta’ Laoag kienet mardet serjament u qalet li fejqet b’mod mirakoluż wara li talbet lit-tfajla Filippina.

Matul iċ-ċerimonja, inkixfet ukoll l-ewwel relikwa ta’ Ruíz-Abad, li tikkonsisti f’relikwarju b’biċċa drapp żgħira li kienet ġejja mill-ilbies tagħha.

Ruíz-Abad, li mietet f’Awwissu tal-1993, kellha impatt kbir permezz tad-devozzjoni tagħha lejn Alla u l-atti ta’ karità tagħha minkejja li batiet minn marda tal-qalb inkurabbli li ġiet iddijanjostikata biha meta kellha 10 snin.

Tletin sena wara mewtha, f’Lulju 2023, it-talba formali biex tinfetaħ investigazzjoni dwar il-ħajja taż-żagħżugħa Filippina ġiet approvata mill-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Filippini (CBCP).

Is-CBCP innota li Ruiz-Abad tista’ sservi bħala “mudell tajjeb ta’ tenċità” għaż-żgħażagħ tal-lum.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

LURA GĦALL-FAĊĊATA