Il-knejjes Ortodossi jibdew ir-Randan il-Kbir fl-Art Imqaddsa

Marinella Bandini via Catholic News Agency

Hekk kif il-Knisja Kattolika fl-Art Imqaddsa daħlet fil-Ġimgħa Mqaddsa billi mxiet l-passi tal-passjoni ta’ Ġesù f’Ġerusalemm, il-knejjes Ortodossi għamlu l-ewwel passi tagħhom fir-Randan.

Il-knejjes tal-Lvant isegwu l-kalendarju Ġiljan, li jfisser li l-Għid il-Kbir ta’ din is-sena għalihom jaqa’ fil-5 ta’ Mejju. Is-sena d-dieħla, madankollu, l-Għid Kattoliku u Ortodoss se jaqa’ fl-istess jum.

B’differenza mill-Knisja Kattolika, li timmarka l-bidu tar-Randan b’sejħa qawwija għall-penitenza simbolizzata mill-Erbgħa tal-Irmied, il-knejjes Ortodossi m’għandhomx ċelebrazzjonijiet speċifiċi li jiftħu dan il-perjodu penitenzjali.

Monsinjur Anba Antonios (lemin), Arċisqof Koptu Ortodoss ta’ Ġerusalemm, jinċensa l-edikula tas-Santu Sepulkru (li fiha l-qabar ta’ Kristu) waqt il-Quddiesa tal-Ħadd fis-17 ta’ Marzu. Kreditu: Marinella Bandini

L-aktar ċelebrazzjoni distintiva hija dik tal-Armeni, li ċċelebraw is-servizz tagħhom Yeregoyan (siegħa jew talb ta’ filgħaxija), nhar is-Sibt, 16 ta’ Marzu, fil-Katidral Armen ta’ San Ġakbu f’Ġerusalemm. L-artali kollha u xi ikoni kienu mgħottija b’drappijiet vjola, il-kulur tar-Randan. Il-Knisja Kattolika kienet tosserva din it-tradizzjoni ukoll, iżda issa ħafna drabi hija limitata għat-Tridu tal-Għid.

Il-perjodu Armen tar-Randan il-Kbir huwa simili għall-knejjes Kristjani l-oħra.

Il-patrijiet Armeni quddiem l-artal maġġur tal-Katidral ta’ San Ġakbu f’Ġerusalemm, miksi b’ċarruta vjola. Ritratt: Marinella Bandini

“Matul ir-Randan il-Kbir, nosservaw 40 jum ta’ sawm, li jfisser li l-laħam u l-ħalib huma pprojbiti, skont it-tradizzjoni tal-Knisja antika,” qal lill-Kanċillier tal-patrijarkat Armen, Patri Aghan Gogchyan, lis-CNA. “L-aktar perjodu estrem ta’ sawm isir fil-ġimgħa ta’ qabel l-Għid il-Kbir, fejn ħafna patrijiet, skont it-tradizzjoni storika, jgħixu biss bil-ħobż, il-melħ u l-ilma, u jieklu darba kuljum.” Matul l-40 jum tar-Randan, lanqas biss huwa permess li tirċievi l-Ewkaristija.

“Għalina,” enfasizza Gogchyan, “huwa perijodu fejn nirriflettu bil-perjodu ta’ sawm miżmum minn Sidna Ġesù Kristu fid-deżert billi nieħdu sehem dirett fih. Il-laqgħat kollha ta’ Kristu, skont l-Evanġelji, huma mfakkra u riflessi fuqhom waqt il-liturġiji tar-Randan. Huwa perjodu ta’ tindif tagħna nfusna, fejn inħejju ruħna għad-don mhux denju tal-qawmien ta’ Kristu u t-tama ta’ ħajja ta’ dejjem li tiġi magħha.”

Parti Armen jiġbed purtiera vjola quddiem waħda mill-ikoni tal-Verġni Marija li tinsab fuq il-kolonni li jdawwru s-santwarju fil-Katidral Armen ta’ San Ġakbu f’Ġerusalemm. Kreditu: Marinella Bandini

Jekk it-tradizzjoni Kristjana kollha tenfasizza l-aspett tal-purifikazzjoni, il-knejjes Ortodossi jenfasizzaw b’mod partikolari s-sawm bħala l-għodda primarja tal-purifikazzjoni. Kważi kull nhar t’Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa kollha matul is-sena huma ddedikati għas-sawm.

Fil-Knisja Ortodossa Kopta, pereżempju, josservaw aktar minn 200 jum ta’ sawm fis-sena. Hija ukoll l-unika knisja fejn ir-Randan idum għal 55 jum (din is-sena beda nhar it-Tnejn, 11 ta’ Marzu, u jinkludi l-Ġimgħa Mqaddsa).

Patri Antonious Al Orshalemy, l-arċimandrita Koptu (arċisqof) ta’ Ġerusalemm, spjega lis-CNA: “Matul ir-Randan nosservaw is-sawm totali minn nofs il-lejl sat-3pm. Ma nistgħux nieklu laħam u prodotti tal-annimali; ħut huwa permess biss f’ċerti ġranet. L-għan huwa li nerġgħu lura għall-istat tal-umanità qabel id-dnub oriġinali, meta kielu biss frott mill-Ġnien. Il-ħila li tikkontrolla t-teħid tal-ikel tgħin fil-ġestjoni tal-passjonijiet u nsiru individwi aktar spiritwali,” qal. Is-sawm jiġi interrott biss is-Sibt u l-Ħdud, it-tifkira tal-Qawmien.

Mument ta’ talb tal-patrijiet Sirjaki Ortodossi fil-kunvent ta’ San Mark f’Ġerusalemm. Il-Ħadd 17 ta’ Marzu, lejlet ir-Randan, “matul it-talb ta’ filgħaxija, ikun hemm mument meta dawk preżenti jagħtu maħfra bejniethom. Huwa mument ta’ purifikazzjoni qabel ma jibda r-Randan,” spjega Dayroyo (Missier) Boulus Khano lis-CNA. Huwa fl-istampa jżomm il-ktieb. Kreditu: Marinella Bandini

Nhar il-Ħadd, 17 ta’ Marzu, lejlet ir-Randan, il-Knisja Ortodossa Sirjaka ċċelebrat rit speċjali ddedikat għall-maħfra (ċerimonja simili ssir fit-tradizzjoni Ortodossa Griega fl-istess jum, imsejħa “Ħadd tal-Maħfra”).

“Matul it-talb ta’ filgħaxija, hemm mument meta dawk preżenti jagħtu maħfra bejniethom. Huwa mument ta’ purifikazzjoni qabel ma jibda r-Randan,” spjega lis-CNA Dayroyo (Missier) Boulus Khano, qassis tal-Monasteru Ortodoss Sirjaku ta’ San Mark f’Ġerusalemm. Dawk bi twemmin Ortodoss Sirjan josservaw is-sawm totali minn nofs il-lejl sa nofsinhar u jsegwu dieta l-aktar vegana (għalkemm il-ħut huwa permess).

Fit-tradizzjonijiet insara kollha, ir-Randan isegwi itinerarju ta’ talb speċifiku, li jenfasizza ċerti episodji jew figuri mill-Evanġelji u jitlob b’mod intensiv is-Salmi. Fit-tradizzjoni Kattolika Sirjaka, ir-Randan huwa mmexxi b’mod partikolari mill-kliem tal-profeti u dak ta’ Missirijiet il-Knisja. Kuljum f’nofsinhar – il-mument meta jitkisser is-sawm assolut – issir talba speċjali fil-knisja li matulha l-parteċipanti jitbaxxew 40 darba.

Monsinjur Anba Antonios (lemin), Arċisqof Koptu ta’ Ġerusalemm, u Patri Antonius Al Orshalemy, segretarju ġenerali tal-Patrijarkat Koptu Ortodoss f’Ġerusalemm, waqt il-Quddiesa tal-ewwel Ħadd tar-Randan fis-17 ta’ Marzu. Fil-Knisja Kopta Ortodossa, ir-Randan idum 55 jum u jibda ġimgħa qabel il-knejjes l-oħra. Kreditu: Marinella Bandini

Il-Ħadd 24 ta’ Marzu, f’Ġerusalemm, il-Knisja Latina ċċelebrat Ħadd il-Palm fis-Santu Sepulkru. Din is-sena, wara l-purċissjoni tal-palm, saret iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika fuq artal tal-ġenb iddedikat lil Marija Maddalena minflok quddiem l-edikula li fiha l-qabar ta’ Kristu. Dan sar biex ikun hemm lok għaċ-ċelebrazzjoni tal-ewwel Ħadd tar-Randan fil-knejjes Ortodossi, fejn nħoloq mużajk ta’ kant, lingwi, fwejjaħ u liturġiji.

L-Ortodossi Griegi, b’mod partikolari, iċċelebraw “il-Ħadd (tat-trijonf) tal-Ortodossija.” It-tema tal-ġurnata hija r-rebħa tal-fidi vera u, b’mod partikolari, ir-rebħa fuq l-ikonoklasma bid-deċiżjoni tas-Seba’ Konċilju Ekumeniku. Is-servizz ifakkar ir-restawr tal-ikoni għall-użu fis-servizzi u l-ħajja devozzjonali privata tal-insara.

Għat-tradizzjoni Griega Ortodossa ukoll, l-osservanza tar-Randan il-Kbir hija kkaratterizzata mill-astensjoni minn ħafna ikel – speċjalment laħam u prodotti tal-ħalib, ħut, inbid, u żejt, talb intensifikat privat u pubbliku, u l-elemosina. Is-sawm strett huwa pprojbit is-Sibt u l-Ħadd. Is-sawm huwa marbut mill-qrib mat-talb, tant li missirijiet il-knisja Ortodossa rreferew għas-sawm mingħajr talb bħala “is-sawm tad-demonji” peress li ma jieklux, imma lanqas jitolbu.

Id-daħla tal-Patrijarkat Sirjaku Ortodoss f’Ġerusalemm, li huwa wkoll il-post fejn jinsab il-kunvent ta’ San Mark. Hawnhekk, il-fidili Ortodossi Sirjani jissorveljaw diversi siti meqjuma, fosthom id-dar ta’ San Mark u ċ-Ċenaklu, fejn hu maħsub li Ġesù kellu l-Aħħar Ċena mal-appostli tiegħu. Kreditu: Marinella Bandini

Ir-Randan il-Kbir u l-Ġimgħa Mqaddsa jilħqu l-qofol tagħhom fiċ-ċerimonja tad-Dawl Imqaddes (magħruf ukoll bħala n-Nar Imqaddes), li tiġi ċċelebrata fis-Sepulkru Imqaddes f’Ġerusalemm. In-Nar Imqaddes hija ċerimonja li s-soltu jattendu għalihom l-insara kollha f’Ġerusalemm, irrispettivament mid-denominazzjoni, u hija waħda mill-aktar avvenimenti karatteristiċi u famużi fil-Belt Imqaddsa.

Skont it-tradizzjoni Griega Ortodossa, in-Nar Imqaddes huwa miraklu li jseħħ kull sena, fil-jum ta’ qabel l-Għid, li jmur lura għar-raba’ seklu. Kull sena, f’nofsinhar, il-patrijarka ta’ Ġerusalemm joqgħod waħdu u fid-dlam ġewwa l-qabar ta’ Kristu, jirreċita talba speċifika, sakemm jinżel in-Nar Imqaddes u jixgħel spontanjament lampa taż-żejt taż-żebbuġa miżmuma mill-patrijarka. Qabel ma jidħol, jiġi spezzjonat mill-awtoritajiet Iżraeljani biex juru li ma jkunx qed iġorr il-mezzi tekniċi biex jixgħel in-nar.

F’waqtu d-dawl jinfirex mal-bażilika, bil-fidili jgħaddu n-nar minn fuq wiċċhom għax jgħidu li n-Nar Imqaddes ma jaħraqx ix-xagħar jew il-wiċċ fl-ewwel 33 minuta wara li jinxtegħel.

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA