‘Il-kapolavuri naturali ta’ Alla’ fil-Ġonna tal-Vatikan  

Hannah Brockhaus via Catholic News Agency

Il-Mużewijiet tal-Vatikan dan is-sajf introduċew eskursjoni ġdida favur il-familja permezz tal-ġonna papali, esperjenza maħsuba biex tgħallem lit-tfal kif “jikkontemplaw u japprezzaw in-natura,” skont l-oriġinatur tat-tour.

Kemm jekk jaqbżu f’mogħdija miksija b’siġar, bilqiegħda fuq zokk ta’ siġra, jew inkella fejn il-fkieren f’funtana, it-tfal u l-familji tagħhom issa għandhom iċ-ċans li jiltaqgħu mal-Ġonna tal-Vatikan b’mod imfassal apposta biex jispira wħud mill-iżgħar viżitaturi tiegħu.

Viżitatur żagħżugħ fil-Ġonna tal-Vatikan fil-Belt tal-Vatikan fit-23 ta’ Awwissu. Ritratt: Hannah Brockhaus/CNA

“Kien hemm xewqa li l-familji jingħataw xi ħaġa x’jagħmlu flimkien fil-mużew. Hemm tali rikkezza ta’ possibbiltajiet. U għalhekk ridna, għall-ewwel darba, niddedikaw mawra attwali lill-familji,” qalet Suor Emanuela Edwards tal-Missjunarji tar-Rivelazzjoni Divina lis-CNA waqt fit-23 ta’ Awwissu.

Edwards, li fasslet il-mawra bħala parti mir-rwol tagħha li tmexxi l-uffiċċju tal-attivitajiet edukattivi tal-Mużewijiet tal-Vatikan, qalet li waħda mill-ewwel attivitajiet fil-mixja hija li tisma’ l-ħsejjes tan-natura fil-Ġnien Ingliż.

Isabella Salandri tiggwida lill-viżitaturi żgħażagħ fi tour fil-Ġonna tal-Vatikan fil-Belt tal-Vatikan fit-23 ta’ Awwissu. Ritratt: Hannah Brockhaus

“Nibdew billi nidentifikaw il-ħsejjes differenti kollha mid-dinja naturali,” qalet. “Imma ovvjament, x’jista’ jkun iktar ferrieħa u naturali milli tisma’ lit-tfal jidħku u jieħdu pjaċir ukoll? U għalhekk mad-dinja naturali, inżidu wkoll dan l-element uman mill-isbaħ u essenzjali, li hu l-ferħ li nkunu flimkien fil-familja.”

It-tour ta’ madwar sagħtejn “Capture Nature” bħalissa huwa offrut is-Sibt filgħodu bl-Ingliż u bit-Taljan lil gruppi ta’ madwar 20 persuna. Huwa kompletament aċċessibbli għal tfal b’diżabilità intellettwali jew fiżika — xi ħaġa li Edwards qalet li kienet importanti ħafna għalihom meta ddisinjaw ż-żjara.

Sister Emanuela Edwards tal-Missjunarji tar-Rivelazzjoni Divina fil-Ġonna tal-Vatikan fil-Belt tal-Vatikan fir-23 ta’ Awwissu. Ritratt: Hannah Brockhaus/CNA

F’mawra riċenti ma’ żewġ familji, is-CNA segwew lit-tewmin ta’ 5 snin Francesco u Chiara Salvatori u lil Margherita Scavetta ta’ 7 snin hekk kif kienu qed jilgħabu u stednuhom jużaw is-sensi tagħhom f’diversi żoni tal-ġonna.

Il-qofol għat-tfal kollha kien li jipprovaw jgħoddu n-numru ta’ fkieren li jgħixu fil-funtana ta’ ħdejn il-Casina Pio IV, id-dar tal-Akkademja Pontifikali tax-Xjenzi.

Logħba oħra talbet lit-tfal biex jaħdmu flimkien mal-ġenituri tagħhom biex isibu u jidentifikaw ċerti pjanti mill-Bibbja fil-ġnien tal-Iskrittura.

Isabella Salandri ma’ viżitaturi żgħażagħ fil-Ġonna tal-Vatikan fil-Belt tal-Vatikan fir-23 ta’ Awwissu. Ritratt: Hannah Brockhaus/CNA

Bil-koppla tal-Bażilika ta’ San Pietru bħala sfond, it-tlett itfal intalbu jaraw pjanti jew karatteristiċi partikolari ta’ funtani u bini.

Waqt waqfa waħda fil-mixja — li ​​tgħaddi minn statwi ta’ Marija, inkluża replika tal-grotta Marjana fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Lourdes fi Franza — it-tfal bdew joħolqu l-“kapolavuri” tagħhom bil-weraq, rix tal-għasafar, u friegħi miġbura tul it-triq.

Edwards, li l-ordni reliġjuża tagħha ġieli jissejjaħ bil-laqam “is-sorijiet ħodor” għall-kulur mhux tas-soltu tal-ħwejjġ tagħhom, spjegat li l-mawra tieħu wkoll ftit mill-ispirazzjoni tagħha mill-enċiklika ambjentali tal-Papa Franġisku Laudato Si’.

Il-Bażilika ta’ San Pietru titla’ fl-isfond fil-Ġonna tal-Vatikan fil-Belt tal-Vatikan, fit-23 ta’ Awwissu. Ritratt: Hannah Brockhaus/CNA

“Ftit passi ’l bogħod hemm il-Mużewijiet tal-Vatikan, fejn hemm il-kapolavuri tal-arti,” qalet. “Imma fil-ġnien, nistgħu ngħallmu lit-tfal żgħar li s-siġar huma wkoll il-kapolavuri tal-ġnien. U għalhekk jitgħallmu kif jieħdu ħsieb dawk il-kapolavuri wkoll.”

Il-gwida Isabella Salandri, waħda minn diversi gwidi tat-turs magħżula minn Edwards biex tmexxi t-tours tal-familja, interaġixxiet ma’ Francesco, Chiara, u Margherita b’mod impenjattiv, u qaltilhom b’toni vivaċi dwar il-karatteristiċi tal-Ġonna tal-Vatikan, speċjalment dawk li jinvolvu l-annimali, bħall-Funtana Aquilone monumentali, li fiha ajkla kbira, il-personifikazzjoni tar-riħ tat-tramuntana fil-mitoloġija Rumana.

It-tfal joħolqu l-“kapolavuri” tagħhom stess bil-weraq, ir-rix tal-għasafar, u l-friegħi miġbura matul it-triq waqt mawra fil-Ġonna tal-Vatikan fit-23 ta’ Awwissu. Ritratt: Hannah Brockhaus/CNA

“L-opportunità li t-tfal jagħmlu xi ħaġa interattiva ħafna sibna pjuttost oriġinali u divertenti,” qalet l-omm ta’ Margherita, Paola Nuccetelli. “Anke qed nieħdu pjaċir naraw xi ħaġa li normalment ma narawx fil-belt. … U mbagħad, min jistenna li jara boskijiet fil-qalba ta’ Ruma?”

Qrib it-tmiem tal-mawra, il-familji kienu sorpriżi b’dehra mill-ġardinar tal-Vatikan Augusto Minosse, li saq sal-grupp fil-vann żgħir tax-xogħol tiegħu. Staqsa lit-tfal dwar iż-żjara tagħhom u ppoża għal selfie ma’ Margherita.

Il-ġardinar tal-Vatikan Augusto Minosse jsellem lill-viżitaturi fil-Ġonna tal-Vatikan fil-Belt tal-Vatikan, fit-23 ta’ Awwissu. Ritratt: Hannah Brockhaus/CNA

“Kien tassew ta’ ferħ immens li nara [t-tfal tagħna] jistagħġbu bin-natura, bil-ħolqien,” qal il-papà tat-tewmin, Daniele Salvatori.

“Ċertament għalina, u naħseb ukoll għall-oħrajn, meta wieħed ikun mgħaddas fin-natura, inti ssir eqreb lejn Alla,” żiedet martu, Romina Zicca.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. 

LURA GĦALL-FAĊĊATA