25 sena ilu, is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fetħet il-missjoni tagħha fil-Filippini. Kien Fr Joe Cremona mssp li b’qalb kbira u kuraġġ kbir beda kollox f’Bataan — mingħajr saħansitra dar jew kamra fejn joqgħod. Kollox beda mix-xejn. B’determinazzjoni kbira u b’għajnuna ta’ benefatturi u l-flus miġbura minn Oħloq Tbissima tul is-snin, Fr Joe beda jibni l-missjoni tiegħu, bini wara bini, proġett wara proġett.

Illum, din il-missjoni hi xibka ta’ tama u għajnuna għal mijiet ta’ familji fqar. Fost il-proġetti l-aktar magħrufa hemm l-orkestra tat-tfal u ż-żgħażagħ. Fr Joe, bl-għajnuna ta’ Peter Paul Galea u Fr Karm Debattista, waqqaf orkestra li bdiet bi ftit tfal li kienu jiġġerrew fit-toroq. Illum, din l-orkestra hi waħda professjonali, mgħammra bl-istrumenti kollha meħtieġa u diretta minn konduttur li jgħinhom jikbru fil-ħiliet tagħhom. Tant hu hekk li dawn it-tfal illum jdoqqu f’ċelebrazzjonijiet u avvenimenti importanti mhux biss f’Bataan, imma f’diversi postijiet oħra fil-Filippini.

Imma l-missjoni fil-Filippini mhix biss mużika. Din hija missjoni li tmiss kull aspett tal-ħajja ta’ dawn il-familji. Il-MSSP jagħtu ikel lil dawk li jbatu l-ġuħ, jipprovdu għajnuna medika f’pajjiż fejn l-isptarijiet mhumiex b’xejn, u saħansitra jibnu djar għal dawk li jiġu mkeċċija minn djarhom għax is-sidien ikunu jridu jieħdu lura l-proprjetà. F’post bħal dan, fejn il-kultura, l-ambjent, is-sħana kbira tul is-sena, u t-typhoons li jolqtu ta’ spiss iżidu l-isfidi, il-perseveranza tal-patrijiet tagħmel differenza kbira biex dawn il-proġetti jkomplu jinbnew għal ġid tal-fqar.

Fr Joe u sħabu jkomplu jagħmlu minn kollox, b’imħabba u solidarjetà, biex aktar familji fqar ikunu jistgħu jgħixu b’dinjità. Il-missjoni llum hija stabbilita sewwa, iżda l-bżonnijiet qatt ma jonqsu. Oħloq Tbissima kull sena tkompli tkun appoġġ vitali għal dawn il-proġetti.

Din is-sena, bejn l-11 u t-13 ta’ Lulju, se jkollna ċ-ċans nerġgħu ningħaqdu flimkien biex inkomplu nibnu dan il-miraklu ta’ tama. Il-maratona se tixxandar fuq TVM, Net, One u fliving. Ejja, ilkoll flimkien, nagħtu sehmek biex aktar tfal u familji fil-Filippini jkunu jistgħu jgħixu ħajja aħjar. Kull donazzjoni, kbira jew żgħira, tagħmel differenza. Agħti minn qalbek!