Il-Bażilika ta’ San Mark f’Venezja se tospita lill-Papa Franġisku il-Ħadd

Francesca Pollio Fenton via Catholic News Agency

Fi tmiem il-ġimgħa, nhar il-Ħadd, 28 ta’ April, il-Papa Franġisku se jiċċelebra Quddiesa fi Pjazza San Mark waqt vjaġġ ta’ ġurnata lejn Venezja, l-Italja. Wara, se jbierek privatament ir-relikwi ta’ San Mark Evanġelista ġewwa l-bażilika.

Din iż-żjara papali fil-bażilika ikonika titfa’ attenzjoni fuq il-knisja famuża ddedikata lil San Mark u tfakkar is-sinifikat tagħha.

Il-Bażilika ta’ San Mark, magħrufa wkoll bħala “l-Knisja tad-Deheb,” hija katidral Biżantina fi Pjazza San Mark imwaqqfa fl-828. Wara li l-fdalijiet ta’ San Mark ġew mpoġġija hemmhekk minn Lixandra, l-Eġittu, il-bażilika għaddiet minn diversi trasformazzjonijiet.

Wara li nbniet bħala knisja permanenti fl-832, il-bażilika nħarqet b’ribelljoni fl-976. San Mark reġgħet inbniet fl-978 iżda kien proġett ta’ kostruzzjoni li beda fl-1063 li fforma l-bażi tal-forma attwali tal-knisja.

Bażilika ta’ San Mark f’Venezja, l-Italja. Ritratt: Canva

Fit-8 ta’ Ottubru 1094, il-Bażilika ta’ San Mark ġiet ikkonsagrata u ddedikata lill-appostlu u qaddis akkreditat minn ħafna bħala l-kittieb tal-Evanġelju ta’ Mark.

Kien biss fl-1807, fuq ordnijiet minn Napuljun, li l-knisja tal-belt saret ir-residenza tal-patrijarka ta’ Venezja u ġiet iddikjarata katidral tal-belt.

L-arkitettura tal-bażilika, li tgħaqqad stili Biżantini, Gotiċi u Rumani, fiha koppla ċentrali u erba’ pilastri. Ġewwa, San Mark hija mżejna b’mużajk tad-deheb sabiħ, art tal-irħam u dekorazzjoni lussuża. Il-presbiterju, li huwa riservat għall-kleru, fih l-artal maġġur, li fih ir-relikwi ta’ San Mark.

Is-sagristija, li kienet maħduma fl-1486 minn Giorgio Spavento, għandha kabinetti impressjonanti intarzjati li juru xeni mill-ħajja ta’ San Mark u kaxxa-forti bil-mużajk li juru profeti tat-Testment il-Qadim.

Hemm ukoll diversi altari tal-ġenb u kappelli li jagħtu ġieħ lil diversi qaddisin bħall-Madonna tal-Mascoli u San Isidor. Il-Kappella ta’ San Isidor iżżomm ukoll ir-relikwi tal-qaddis, li nġiebu Venezja mill-Gżira ta’ Chios fl-1125.

Bażilika ta’ San Mark f’Venezja, l-Italja. Ritratt: Canva

Il-Mużew ta’ San Mark inbena matul is-seklu 19. Jospita kollezzjoni diversa ta’ artifatti u xogħol tal-arti, l-aktar akkwistati minn Kostantinopli matul ir-Raba’ Kruċjata. Wieħed mill-aktar punti ewlenin notevoli huma ż-Żwiemel ta’ San Mark – erba’ żwiemel tal-bronż li darba kienu parti mill-faċċata tal-bażilika – kif ukoll manuskritti, artifatti u oġġetti liturġiċi Biżantini u Gotiċi.

Il-Bażilika ta’ San Mark tilqa’ aktar minn tliet miljun viżitatur fis-sena u hija tassew iċ-ċentru tal-ħajja pubblika u reliġjuża f’Venezja.

L-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede ħareġ l-iskeda tas-Santu Missier għal dan il-vjaġġ lejn Venezja, li tinkludi laqgħat mal-ħabsin fil-ħabs tan-nisa, dawra tal-wirja tal-arti tal-Vatikan esposta hemmhekk, laqgħa mal-artisti, u diskors liż-żgħażagħ.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

LURA GĦALL-FAĊĊATA