Iċ-ċerimonja tan-Nar Imqaddes timmarka l-bidu tal-Għid Ortodoss

Marinella Bandini via Catholic News Agency

Il-pellegrini nġabru f’Ġerusalemm nhar is-Sibt għaċ-ċerimonja annwali tan-Nar Imqaddes fis-sit meqjum għad-difna u l-qawmien ta’ Ġesù, drawwa antika meqjusa minn ħafna nies li jemmnu bħala avveniment mirakoluż li jseħħ il-ġurnata ta’ qabel iċ-ċelebrazzjoni Ortodossa tal-Għid.

Għal raġunijiet ta’ sigurtà, l-attendenza għall-attività tal-4 ta’ Mejju kienet limitata għal 4,200 ruħ ġewwa l-Bażilika tas-Santu Sepulkru, għalkemm il-folol kienu aktar maniġġabbli u kemmxejn imrażżna din is-sena minħabba n-nuqqas ta’ pellegrini mit-territorji Palestinjani u l-fatt li għaddejja gwerra fir-reġjun.

Il-pulizija Iżraeljana tmexxi punt ta’ kontroll ġewwa l-Belt il-Qadima ta’ Ġerusalemm waqt iċ-ċerimonja tan-Nar Imqaddes li saret fil-Bażilika tas-Santu Sepulkru fl-4 ta’ Mejju, 2024. Ritratt: Marinella Bandini/CNA

L-aċċess għall-Belt il-Qadima fejn tinsab il-bażilika kien ristrett mill-Ġimgħa filgħaxija fost preżenza qawwija tal-pulizija. Ġewwa l-bażilika kienu preżenti bosta staff mediku u pompieri.

Għalkemm l-awtentiċità tiegħu hija kkontestata minn xi wħud, in-Nar Imqaddes jew Dawl Qaddis jirreferi għal nar taʼ oriġini divina allegat li jaqbad ġewwa l- qabar taʼ Ġesù filwaqt li jkun preżenti biss il-patrijarka Grieg Ortodoss. Il-pellegrini mbagħad jixegħlu x-xemgħat tagħhom billi jestenduhom minn fetħa żgħira fil-qabar, u jipproduċi xena drammatika ta’ fjammi li jteptpu u ċelebrazzjoni ferrieħa.

Il-pellegrini iġorru xemgħat mixgħula min-Nar Imqaddes ġewwa l-Bażilika tas-Santu Sepulkru f’Ġerusalemm fl-4 ta’ Mejju 2024. Ritratt: Marinella Bandini/CNA

Iċ-ċerimonja Kristjana Ortodossa, li għaliha jattendu Kattoliċi u Kristjani oħra wkoll, ilha ssir kontinwament mill-inqas mill-1106, għalkemm rakkonti li jmorru għar-raba’ seklu jirrelataw li l-appostlu Pietru ra d-dawl qaddis innifsu ġewwa l-qabar.

Il-bibien tas-Santu Sepulkru nfetħu fid-9am minn rappreżentanti Griegi Ortodossi u għal darb’oħra fid-9.30am minn rappreżentanti tal-Knisja Appostolika Armena – iż-żewġ komunitajiet Ortodossi li jservu mal-Franġiskani Kattoliċi bħala l-kustodji tas-sit. Hekk biss bdew jidħlu l-fidili fil-bażilika.

Għall-ħabta tal-11am, dawk preżenti bdew ikantaw innijiet tradizzjonali bl-aktar vuċi qawwija possibbli. Dawn il-kant imorru lura għall-okkupazzjoni Torka ta’ Ġerusalemm fis-seklu 13 meta l-insara ma tħallewx ikantaw imkien ħlief fil-knejjes.

Il-Patrijarka Grieg Ortodoss Theophilos III joħroġ mill-edikula tas-Santu Sepulkru fl-4 ta’ Mejju 2024, f’Ġerusalemm, u juri lill-fidili ż-żewġ xemgħat li għadhom kemm inxtegħlu mil-lampa taż-żejt li hu maħsub li nxtegħel b’mod mirakoluż ġewwa l-qabar ta’ Ġesù. Ritratt: Studio Sami Jerusalem

Il-qalba taċ-ċerimonja kienet bejn is-1 u s-2pm. Wara d-daħliet solenni tal-patrijarki Ortodossi l-oħra ta’ Ġerusalemm, il-patrijarka Grieg Ortodoss, Theophilos III, daħal fil-bażilika.

Qabel, il-bibien tal-ediku (is-santwarju żgħir li fih il-qabar ta’ Ġesù Kristu) kienu ġew issiġillati b’siġill kbir tax-xama’ – li jfisser li l-qabar kien ġie spezzjonat u li ma kien hemm xejn preżenti li seta’ jintuża biex jinqabad in-nar. Ftit qabel il-wasla tal-patrijarka Grieg, is-siġill tneħħa, u lampa kbira taż-żejt inġarret fil-qabar.

Wara li temm tliet dawriet madwar l-edikula, li mexxa purċissjoni ta’ patrijiet u qassisin, daħal fl-ediku l-Patrijarka Teofilu III, segwit minn delegat tal-patrijarka Armen (li ma setax jattendi minħabba tilwima interna) u diversi isqfijiet minn diversi denominazzjonijiet.

Pellegrini ġewwa l-Bażilika tas-Santu Sepulkru jżommu x-xemgħat tagħhom ’il fuq wara li n-Nar Imqaddes inxtegħel ġewwa l-qabar ta’ Ġesù fl-4 ta’ Mejju 2024, il-ġurnata ta’ qabel iċ-ċelebrazzjoni Kristjana Ortodossa tal-Għid. Kreditu: Marinella Bandini/CNA

Qabel daħal fil-qabar, il-patrijarka Grieg ġie spezzjonat mill-awtoritajiet Iżraeljani biex jipprova li ma kellu l-ebda mezz tekniku biex jixgħel in-nar.

Id-dwal u l-lampi kollha fil-bażilika ġew mitfija, speċjalment dawk ġewwa l-ediku, li tħalla fid-dlam.

Dak li l-fidili jixhdu li hu miraklu jseħħ wara ħin qasir ta’ talb. Jingħad li n-nar qaddis jinżel mis-sema u jqabbad lampa taż-żejt ġewwa l-qabar.

Sadanittant, il-pellegrini xegħlu x-xemgħat tagħhom ukoll mit-twieqi żgħar tondi fil-ġnub tal-ediku, u ħolqu xena drammatika barra l-qabar. Jingħad li n-nar ma jaħraq xejn (jew lil ħadd) għall-ewwel 33 minuta wara li jinxtegħel.

Lampa użata biex tittrasporta n-Nar Imqaddes mill-Bażilika tas-Santu Sepulkru f’Ġerusalemm għal Betlem tinġarr fiċ-ċerimonja tad-dawl fl-4 ta’ Mejju 2024. Ritratt: Marinella Bandini/CNA

Għal dawk li jemmnu Ortodossi, id-dawl tan-nar huwa avveniment mirakoluż ġenwin, għalkemm ilħna fid-dinja Ortodossa nnifisha ripetutament iddubitaw l-awtentiċità tal-miraklu, u attribwixxu d-dawl spontanju tal-lampa għal tricks jew metodi kimiċi.

B’solidarjetà mal-poplu Palestinjan f’Gaża u l-vittmi tal-gwerra, l-Insara Ortodossi għażlu ċelebrazzjoni aktar mrażżna din is-sena. Għal dak il-għan, in-Nar Imqaddes ma kienx mgħoddi id b’id mit-toroq tal-Belt il-Qadima ta’ Ġerusalemm, kif inhi d-drawwa, imma ddaħħal direttament fid-djar tal-fidili.

Fanali speċjali jġorru fjammi mill-qabar sal-knejjes Ortodossi ewlenin fl-Art Imqaddsa u madwar id-dinja (permezz ta’ titjiriet irranġati apposta). Il-wasla tal-fjammi minn Ġerusalemm se timmarka l-bidu taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

LURA GĦALL-FAĊĊATA