Ħelu Taljan tal-Għid b’konnessjoni ma’ qaddis Irlandiż

Hannah Brockhaus via Catholic News Agency

Il-ħelu tal-Għid l-aktar maħbub fl-Italja huwa ħobż ħelu f’forma ta’ ħamiema magħruf bħala Colomba di Pasqua – jew “ħamiema tal-Għid”.

Dan huwa ħobż ħelu tal-Għid tradizzjonali Taljan, b’għaġina magħmula b’mod simili għall-panettone u magħmula f’għamla ta’ ħamiema bil-ġwienaħ miftuħin. Hija l-verżjoni tal-Għid ta’ żewġ tipi ta’ ħelu Taljani famużi tal-Milied, il-panettone u l-pandoro.

L-għaġina ratba tista’ tinkludi ġewż, ċikkulati jew konfettura u ħafna drabi hija mżejna biz-zokkor jew ġelu.

Bħall-panettone u l-pandoro, jingħad li ġej mit-Tramuntana tal-Italja. Iżda leġġenda popolari tirrakkonta ukoll l-oriġini possibbilment mirakoluża ta’ dan il-ħobż ħelu.

Colomba di Pasqua – jew “ħamiema tal-Għid”. Ritratt: Flickr/Wikimedia Commons

L-istorja inkredibbli tmur lura għas-sitt jew is-seba’ seklu u tinkludi reġina, festa u grupp ta’ patrijiet Irlandiżi.

Skont il-leġġenda, ir-Reġina Teodolinda, li kienet tgħix fejn issa tinsab il-belt ta’ Pavia, l-Italja, kienet semgħet bir-reputazzjoni kbira ta’ qdusija ta’ missjunarju Irlandiż li kien wasal fis-saltna tagħha.

Fl-Italja, il-qaddis jissejjaħ Colombano, iżda huwa magħruf ukoll b’mod differenti bħala Columba, Columbkille, Columcille jew Colmcille.

L-isem Colmcille ifisser “ħamiema tal-Knisja,” u jagħti ħjiel dwar kif setgħet oriġinat din il-leġġenda.

Skont is-sit Taljan saintcolumban.eu, ir-Reġina Teodolinda riedet tassew tiltaqa’ mal-qaddis Irlandiż li tant semgħet dwaru. Għalhekk meta saret taf li kien f’artha, stiednitu u ’l missjunarji sħabu biex iżuru l-kastell tagħha għall-ikel.

Teodelinda, reġina tal-Lombardija, tiżżewweġ lil Agilulfo, Duka ta’ Turin (dettall, 1444) tal-Aħwa Zavattari. Ritratt: Wikimedia Commons

Minħabba l-importanza tal-mistednin tagħha, ir-Reġina Teodolinda ordnat biex l-aħjar ikel jiġi servut fuq il-mejda tagħha dakinhar, inkluż laħmijiet ta’ kull tip.

Il-patrijiet ta’ San Colmcille baqgħu ixxukkjati meta raw dak l-ikel kollu, speċjalment minħabba l-prattika tagħhom tal-faqar u s-sawm.

Kien hemm ukoll problema oħra: inzerta li kien ukoll iż-żmien tar-Randan.

Hekk kif ir-Reġina Teodolinda, żewġha, ir-Re Agilulfo u nieshom bdew jieħdu sehem fil-festa, il-patrijiet baqgħu bilqiegħda, jistennew sinjal mingħand l-abbati tagħhom dwar x’għandhom jagħmlu. Kienu bil-ġuħ wara l-vjaġġi twal tagħhom, iżda raw li fuq il-mejda kien hemm biss laħam.

Il-qaddis Irlandiż San Colmcille, magħruf fl-Italja bħala San Columbano. Ritratt: Wikimedia Commons  

Colmcille mexxa rasu lejn il-monarki bħala ringrazzjament għall-ikla iżda ma kienu laħqu kielu xejn.

Ir-Reġina Teodolinda sfat offiża bir-rifjut tal-mistednin għall-ikla li pprovtitilhom. Qalet, b’ton sardoniku, “M’intomx se tieklu, ħuti?”

Patri żagħżugħ weġibha: “Aħna patrijiet: ma nistgħux nieklu dan.”

San Colmcille interrompieh u minflok qal lir-reġina li ma setgħux jieklu ikel li ma kienx imbierek u b’umiltà talab permess biex ibierek l-ikla.

Meta ngħata l-​permess tar-​reġina u r-re, Colmcille ġibed lejh l-​eqreb platt tal-​ikel u baxxa rasu fit-​talb. Imbagħad żamm idu fuq il-platt – li kellu ħamiema kbira misjura – biex ibierku.

Hekk kif temm, kull min kien preżenti baqa’ ixxukkjat meta ra li l-għasfur ġie trasformati f’sempliċi ħobża. L-unika traċċa ta’ dak li kien hemm qabel kienet il-forma tal-ħobż, li kienet forma ta’ ħamiema.

Dan, qal San Colmcille, huwa ikel xieraq għall-istaġun tar-Randan, u hu u s-segwaċi tiegħu bdew jieklu l-ħobża.

Illum, dan il-ħobż huwa assoċjat mal-Għid addattat għaċ-ċelebrazzjoni tal-qawmien ta’ Kristu.

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency 

LURA GĦALL-FAĊĊATA