Għalfejn nagħmlu sagrifiċċju fir-Randan?

Lara Zammit

Fil-messaġġ tiegħu għar-Randan ta’ din is-sena, il-Papa Franġisku fakkar li r-Randan “huwa staġun ta’ konverżjoni, żmien ta’ libertà”.

Minħabba li r-Randan huwa assoċjat mas-sawm u l-astinenza, huwa komuni li naraw r-Randan bħala żmien ta’ restrizzjoni. Imma, kif ifakkarna l-papa fil-messaġġ tiegħu, ir-Randan m’huwiex perjodu ta’ limitazzjoni iżda ta’ libertà.

Dan għaliex, meta nsumu, aħna qiegħdin nagħmlu sagrifiċċju – qiegħdin nagħżlu li noffru milli għanda biex nagħtu qima lil Alla.

Is-sagrifiċċju jqanqal il-qdusija. Ritratt: Storyblocks

L-etimoloġija tal-kelma “sagrifiċċju” turina bis-sħiħ t-tifsira spiritwali tagħha. Il-kelma “sagrifiċċju” tiġi mill-frażi Latina sacrum facere, li tfisser “jagħmel qaddis, jew sagru.”

Is-sagrifiċċju jqanqal il-qdusija. Meta nissagrifikaw għall-ġid ta’ persuna oħra jew għal Alla, dak is-sagrifiċċju jagħmilna qaddisin. Imma xi jfisser li tkun “qaddis”? Li tkun qaddis huwa li tiġi tixbah lil Alla.

Sagrifiċċju magħmul għall-imħabba jagħmilna qaddisin – jagħmilna aktar nixbhu lil Alla, għax Alla huwa mħabba li ssagrifika lilu nnifsu, li tana lilu nniffsu fuq is-salib.

Din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn Alla jħeġġiġna, “Kunu qaddisin, għax jien qaddis” (Levitiku 11:44-45, 19:2, 20:7; 1 Pietru 1:16): aktar ma nidħlu bis-sħiħ fid-dinamika ta’ mħabba u ta’ sagrifiċċju f’din il-ħajja, aktar ma nsiru nixbhu lil Alla, u b’hekk aktar inkunu nistgħu nieħdu sehem fil-ħajja divina ta’ Alla.

The Crucifixion of Christ, with the Virgin, Saint John the Evangelist, Saint Mark and Saint Anthony the Abbot (1590-1600) ta’ Bartolomeo Cesi. Ritratt: Wikimedia Commons

B’din il-ħarsa ġdida lejn ir-Randan, l-istaġun isir wieħed li jagħti l-frott, mhux wieħed li fih nidbielu bil-mod.

Is-sagrifiċċji tagħna ta’ kuljum mhumiex piżijiet imma sinjali ta’ mħabba għal Alla li jħobbna.

Filwaqt li għandna nimmiraw li nagħmlu dan is-sena kollha, is-sagrifiċċju huwa speċjalment pertinenti fir-Randan għaliex dan huwa żmien fejn nantiċipaw il-Passjoni u l-Qawmien ta’ Ġesù – l-akbar sinjal ta’ mħabba u sagrifiċċju li għandna.

L-isbuħija ta’ din l-imħabba bejna u bejn Alla hi li din ir-relazzjoni hija unika; l-istaġun tar-Randan se jidher differenti għal kull persuna.

Iżda dak li jgħaqqadna hu li r-Randan jistedinna nneħħu l-affarijiet li jxekkluna mir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, u jeħlisna – jagħmilna liberi – biex inħobbuh bis-sħiħ.  

LURA GĦALL-FAĊĊATA