Għalfejn Caravaggio pinġa żewġ kapolavuri tal-konverżjoni ta’ San Pawl?

Daniel Payne via Catholic News Agency

Anke dawk li mhumiex midħla mill-qrib tal-istorja tal-arti jistgħu jkunu familjari mal-pitturi doppji tal-maestro Barokk Caravaggio li juru l-konverżjoni ta’ San Pawl – tnejn mill-aktar xogħlijiet tal-arti famużi fil-Punent. Iżda l-fatt li hemm żewġ pitturi bħal dawn hija xi ħaġa stramba, waħda li l-istoriċi ħasbu fuqha għal sekli sħaħ.

Caravaggio temm l-ewwel pittura, Il-Konverżjoni ta’ San Pawl, fl-istess ħin li lesta x-xogħol monumentali It-Tislib ta’ San Pietru. Iż-żewġ xogħlijiet ġew ikkummissjonati mill-ġurista Ruman u teżorier ġenerali papali Tiberio Cerasi għall-Kappella tal-Assunta fil-Bażilika ta’ Santa Maria del Popolo ta’ Ruma.

Il-​Konverżjoni turi lil Pawlu fil-​mument li waqaʼ mal-​art u sar għami mar-rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu, kif jingħad fl-​Atti tal-​Appostli kif ukoll f’diversi ittri taʼ Pawlu. Wara dik l-​esperjenza, Pawlu sar dak li Alla nnifsu ddeskriva bħala “strument magħżul” li kien se “jġib l-​isem tal-​Mulej quddiem in-nies komuni u s-​slaten u quddiem il-​poplu taʼ Iżrael.”

Il-Konverżjoni ta’ San Pawl. Ritratt: Caravaggio, Dominju Pubbliku/Wikimedia Commons

Bħalma kien l-istil Barokk, il-pittura hija tqila b’kuntrast: Daqqiet ta’ dawl profondi jiltaqgħu ma’ dellijiet skuri u mqallba. Ġesù Kristu jidher fit-​terz taʼ fuq tax-​xbieha, jersaq lejn Pawlu waqt li jkun assistit minn anġlu. Pawlu nnifsu jidher bħala raġel anzjan b’daqna.

Għalkemm l-artist ċarament investa ħafna xogħol fil-pittura, fl-aħħar mill-aħħar qatt ma kien se jasal fil-Kappella Cerasi. Minflok, Caravaggio pinġa it-tieni xogħol, Konverżjoni fit-Triq lejn Damasku, li hija rappreżentazzjoni sostanzjalment differenti tal-konverżjoni taʼ Pawlu li turi raġel iżgħar jaqa’ minn fuq iż-żiemel tiegħu mid-dawl li jgħami t’Alla.

Ir-rakkont storiku popolari, miktub mill-kontemporanju ta’ Caravaggio Giovanni Baglione, isostni li Cerasi ċaħad l-ewwel verżjonijiet kemm tal-Konverżjoni kif ukoll tat-Tislib, u talab lill-artist biex ipinġi r-reviżjonijiet li issa huma mdendlin fil-kappella.

Catherine Puglisi, professur emerita tal-istorja tal-arti fl-Università ta’ Rutgers, qalet li din il-verżjoni tal-avvenimenti tħalli “ħafna lok għal dubju minħabba ċ-ċirkostanzi kkumplikati tal-kummissjoni.”

Il-Konverżjoni fit-Triq lejn Damasku ta’ Caravaggio,1601. Ritratt: Caravaggio, Dominju Pubbliku/Wikimedia Commons

“L-aktar studju reċenti tistaqsi jekk l-ewwel verżjonijiet ġewx irrifjutati,” qalet Puglisi lis-CNA. “Ir-rapport li l-patrun m’għoġbuħx ġej minn sors preġudikat, jiġifieri minn kontemporanju ta’ Caravaggio li kellu xi raġuni biex jħammeġ r-reputazzjoni ta’ Caravaggio.”

Cerasi “x’aktarx approva d-disinji kemm tal-Konverżjoni oriġinali kif ukoll tat-Tislib ta’ San Pietru u jista’ jkun li saħansitra rahom qabel ma miet,” qalet Puglisi.

Cerasi kien ikkummissjona wkoll lill-artist Bolognian Annibale Carracci biex ipinġi l-altar tal-kappella; skont Puglisi, dak ix-xogħol – L-Assunta tal-Verġni – seta’ wassal lil Caravaggio biex jerġa’ jagħmel il-pitturi tiegħu.

L-Assunta tal-Verġni ta’ Annibale Carracci fil-Knisja ta’ Santa Maria del Popolo f’Ruma. Ritratt: José Luiz Bernardes Ribeiro/CNA

“Huwa possibbli li Caravaggio nnifsu ħa post l-ewwel verżjonijiet meta nkixef l-altar ta’ Carracci għall-kappella,” qalet. “Skond dan ix-xenarju, kien possibilment irrealizza li l-pitturi tiegħu stess kienu jidhru antikwati meta mqabbla ma’ dik ta’ Carracci.”

It-tieni verżjoni tal-pitturi joffru “rispons artistiku kkalkulat biex taqbel mal-monumentalità tal-altar ta’ Annibale,” qalet Puglisi.

Puglisi qalet li ma kinitx l-ewwel darba dak iż-żmien li l-artisti jkollhom il-prodotti lesti tagħhom miċħuda mill-patruni, iżda “iċ-ċirkostanzi madwar il-kummissjoni huma mċajpra u jippermettu interpretazzjonijiet differenti” ta’ għaliex seħħet is-sostituzzjoni.

L-ewwel verżjoni tar-rappreżentazzjoni ta’ Pawlu ta’ Caravaggio jinstabu f’Palazzo Odescalchi Balbi ta’ Ruma; il-portal turistiku Turismoroma jgħid li dan jirrappreżenta “wieħed mill-ftit xogħlijiet ta’ Caravaggio li jappartjenu għal kollezzjoni privata.”

Il-verżjoni finali, intant, għadha mdendla fil-kappella li għaliha saru.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

LURA GĦALL-FAĊĊATA