Ġenerożità u tama: Illum tibda it-23 edizzjoni tal-maratona Oħloq Tbissima

Illum, il-Ġimgħa 11 ta’ Lulju, tibda t-23 edizzjoni tal-maratona ta’ xandir Oħloq Tbissima, b’inawgurazzjoni speċjali mill-istudios ta’ CPI Media fid-4pm, taħt id-direzzjoni ta’ Fr Louis Mallia mssp. Din il-maratona se tixxandar għal tlett ijiem fuq TVM, ONE, NET u FLiving, u għandha l-għan li tkompli twassal tama u għajnuna lil ħafna li jinsabu fil-bżonn, kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna.

Il-programm tal-lum jintemm fil-11pm, u jkompli għada s-Sibt mid-4pm sal-11pm u l-Ħadd mill-4pm sas-11.30pm.

23 sena ta’ solidarjetà

Tlieta u għoxrin sena ilu, iċ-ĊAM/CPI pproduċew l-ewwel maratona Oħloq Tbissima fil-bitħa tad-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera. Din l-inizjattiva ġiet imniedi bil-ħsieb li jinġabru fondi għall-missjonijiet MSSP li jservu f’Perù, Pakistan u l-Filippini, kif ukoll għat-tfal residenti fid-Dar ta’ San Ġużepp fejn tittella’ l-maratona.

Minn dakinhar ’l hawn, grazzi għall-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi, kienu jintbagħtu fondi kull sena biex jgħinu familji fqar bl-aktar ħtiġijiet essenzjali: edukazzjoni, kura medika, ikel ta’ kuljum, u tant servizzi oħra li mingħajrhom, dawn il-familji jkunu f’miżerja aktar profonda.

Din is-sena wkoll, Oħloq Tbissima qed tappoġġja numru ta’ proġetti konkreti li jgħinu lin-nies jgħixu ħajja aħjar u b’dinjità.

Fil-Perù, f’Arequipa, Fr Alex spjega kif ħafna tfal huma malnutriti u anemiċi, filwaqt li nisa tqal qed ibatu minn nuqqas ta’ nutrizzjoni adegwata. Il-ħolma tiegħu hi li jipprovdi ikel tajjeb għas-saħħa u mediċini biex dawn it-tfal jiżviluppaw b’mod normali.

Fil-Pakistan, Fr Pierre jixtieq jikseb aktar Reverse Osmosis systems biex jipprovdi ilma nadif għax-xorb lill-familji Nsara u fqar.

Fil-Filippini, Fr Joe għandu żewġ proġetti importanti: wieħed biex jiġi żviluppat akkomodazzjoni għal familji bla dar, u ieħor li jiffoka fuq il-provvista ta’ ilma tax-xorb lil komunitajiet indiġeni li jgħixu fil-muntanji.

F’Malta, fid-Dar ta’ San Ġużepp, Fr Louis jixtieq jibni studio flats għaż-żgħażagħ li jkunu għexu fid-dar minn età żgħira u li issa għalqu it-18-il sena, sabiex ikunu jistgħu jibdew ħajja indipendenti waqt li jsibu xogħol jew ikomplu l-istudji tagħhom.

Dawn huma proġetti reali, u kollha għandhom bżonn għajnuna finanzjarja sostanzjali. Nafu li l-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin se tkompli tgħin biex il-ħolm ta’ dawn il-missjunarji jsir realtà.

Hemm diversi modi kif wieħed jista’ jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu biex jgħin fil-proġetti ta’ Oħloq Tbissima u joffri tama ġdida lil mijiet ta’ familji fqar u tfal fil-bżonn. Kull donazzjoni, kbira jew żgħira, tagħmel differenza konkreta fil-ħajja ta’ dawk li għandhom l-iżjed bżonn.

Wieħed jista’ jagħti permezz ta’ dawn il-metodi:

B’sejħa telefonika:
Għal donazzjoni ta’ €25, ċempel 5180 2009
Għal donazzjoni ta’ €50, ċempel 5190 2080

B’SMS ta’ €11.65:
Ibgħat messaġġ fuq in-numru 5061 9285

Permezz tal-BOV Mobile App:
Ibgħat id-donazzjoni tiegħek fuq in-numru 7920 2035

Pledge Line (għal wegħda ta’ donazzjoni):
Ċempel fuq in-numru 2144 5544

Online:
Żur is-siti ohloqtbissima.com jew tbissima.mt biex tagħmel id-donazzjoni tiegħek b’mod sigur u faċli.

Tista’ wkoll tagħti d-donazzjoni fid-Dar ta’ San Ġużepp, Santa Venera, matul il-jiem tal-maratona fil-ħinijiet ta’ 9:30am sa 12:00pm u bejn 5pm u 10.30pm. Hemmhekk ser ikun hemm ukoll attivitajiet ta’ divertiment, kant, żfin u servizz ta’ ikel, sabiex min jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu jkun jista’ jqatta’ ftit ħin f’ambjent sabiħ u ta’ solidarjetà.

Il-ġenerożità tiegħek tagħmel differenza. Ikkontribwixxi llum u agħti tama lil min ilu wisq mingħajrha.

Fil-għaxijiet se jkun hemm spettaklu fuq il-palk, b’kantanti u żeffiena, kif ukoll ikel u bar għal dawk li jixtiequ jżommu l-kumpanija waqt li jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom.

Grazzi mill-Qalb

Nieħdu l-okkażjoni biex nirringrazzjaw lill-ħaddiema, voluntiera u sponsors kollha li għamlu possibbli din it-23 edizzjoni ta’ Oħloq Tbissima. Grazzi għalikom, nistgħu nkomplu noħolqu tbissima fuq wiċċ dawk li l-aktar għandhom bżonn.

Segwuna fuq FLiving tul il-maratona kollha, kif ukoll f’ħinijiet varji fuq TVM, ONE u NET.

Aħna nemmnu fil-qawwa tal-ġenerożità. Int ukoll tista’ tkun parti minn dan il-miraklu.

LURA GĦALL-FAĊĊATA