Fr Karm iniedi l-għaxar album tiegħu nhar is-Sibt

Lara Zammit

Fr Karm Debbatista se jniedi l-għaxar album tiegħu waqt kunċert msejjaħ Niġi Għandek nhar is-Sibt, 17 ta’ Frar fl-awditorju ta’ Sant’ Agata, ir-Rabat, fis-7pm.

Id-dħul mil-kunċert ser imur kollu għall-missjonijiet tal-MSSP. 

Flimkien ma’ Fr Karm ser idoqqu ukoll Zone Five Band u l-Ħbieb.

L-album jikkonsisti f’diversi kanzunetti li tagħqqadhom tema prinċipali.

Fr Karm Debattista. Ritratt: Facebook.com

“Il-kanzunetti jvarjaw, imma hemm tema qawwija fih li jien niġi quddiem Alla (Niġi Għandek u I Come to You) u nħallieh iħares lejja (Fis-Santwarju),” jgħid Fr Karm.

L-album fih ukoll salmi diversi bħal Salm 91 (Fik Nittama), Salm 139 (Int tafni) u Salm 119 (Qabel is-Sebħ).

“Barra minn dan,” ikompli Fr Karm, “waqt il-pandemija tal-Covid-19, inkiteb salm partikolari (Of Dust and Glory) li għalkemm mhux ser ikun fl-album, ser jitkanta fil-kunċert. 

“Hemm imbagħad il-Missierna, bi stil kompletament differenti (Abba Missierna), id-diska li dħalt biha fl-Għanja tal-Poplu (Logħba tal-Kaxxi) u l-għanja tal-maratona Oħloq Tbissima. Kanzunetti oħra huma Barka, Yahweh u L-Għadu Ħabibi b’temiet differenti,” iżid jgħid.

Il-vjaġġ mużikali ta’ Fr Karm bdiet minn ċkunitu. Kien kiteb xi għanjiet anke qabel ma daħal bħala qassis mal-MSSP.

“Il-ħajra għall-mużika kienet dejjem hemm,” jgħid Fr Karm. “Meta mbagħad dħalt mal-MSSP kien hemm oħrajn li għenuni u bdejna niktbu għanjiet għall-attivitajiet li kien ikollna.”

Wara sitt snin il-Pakistan, xi ħadd qallu li kulħadd kien qiegħed jirrikordja l-kanzunetti tiegħu u joħroħhom bħala CDs.

Dak is-sajf għażel 12-il kanzunetta minnhom u b’hekk ħareġ l-ewwel album tiegħu bl-isem ta’ Fittixtek.

“Kien mar tajjeb ħafna u kelli tliet nominazzjonijiet fil-Malta Music Awards li għamilli kuraġġ nibqa’ nikteb,” kompla jgħid.

“Matul is-snin, bqajt nikteb għanjiet u noħroġ l-albums. L-għanjiet tiegħi m’għandhomx xi stil wieħed għalkemm ħafna minnhom jistgħu jidħlu taħt il-ġeneru ta’ pop. 

Id-dħul mil-kunċert ser imur kollu għall-missjonijiet tal-MSSP. Ritratt: Facebook.com

“Kont waqaft nikteb għal xi snin imma l-Covid u l-lockdown ta’ erba’ snin ilu reġa’ nkuraġġieni nibda nikteb. Kont il-Pakistan mill-ġdid u minn hemm ktibt xi għanjiet.

“Meta rritornajt Malta, komplejt nikteb u rrealizzajt li stajt nniedi l-għaxar album tiegħi minn dawn il-kanzunetti. U hekk wasalt għal dan il-kunċert biex inniedi dan l-album, bl-isem ta’ Niġi Għandek li hu l-isem ta’ waħda mill-għanjiet li fih.”

Il-kunċert Niġi Għandek se jittella nhar is-Sibt, 17 ta’ Frar fl-awditorju ta’ Sant’ Agata, ir-Rabat fis-7pm. Biljetti jistgħu jinxtraw minn hawnhekk. Id-dħul mil-kunċert ser imur kollu għall-missjonijiet tal-MSSP.

LURA GĦALL-FAĊĊATA