Fondazzjoni toħroġ ritratti li qatt ma dehru ta’ Padre Pio

Zoe Romanowsky via Catholic News Network

Biex tfakkar l-10 anniversarju tagħha, il-Fondazzjoni Saint Pio fl-Istati Uniti qed toħroġ 10 ritratti li qatt ma dehru ta’ San Piju ta’ Pietrelcina, magħruf aħjar bħala Padre Pio, fid-29 ta’ April.

L-immaġini sinċieri juru lis-saċerdot Taljan jiċċelebra Quddiesa u ukoll f’mumenti profondi ta’ talb, iżda wkoll f’mumenti eħfef ta’ daħk, li rari jinqabdu mill-patri. Id-direttur tal-fondazzjoni, Luciano Lamonarca, skopra r-ritratti meta żar l-istudjo tal-fotografu Elia Saleto.

Biex tfakkar l-10 anniversarju tagħha, il-Fondazzjoni Saint Pio fl-Istati Uniti fid-29 ta’ April se toħroġ 10 ritratti ta’ Padre Pio li qatt ma dehru.. Ritratt: Korteżija tal-Fondazzjoni San Pio

Il-korrispondent tal-Vatikan tal-EWTN News Colm Flynn poġġa bilqiegħda ma’ Lamonarca f’intervista reċenti għal EWTN News Nightly biex jiddiskuti l-immaġini. Wieħed mill-aktar ritratti sorprendenti kien ta’ Padre Pio jitbissem.

“Huwa ritratt sabiħ għax juri lil Padre Pio jitbissem. Iva, kien qed jitbissem għax kien raġel bħal ħaddieħor,” qal Lamonarca.

Il-kantant tal-opra professjonali trabba fl-Italja konxju tal-figura ġganteska li Padre Pio kien fil-Knisja Kattolika, iżda ma kellux devozzjoni partikolari lejn il-qaddis sakemm hu u martu kellhom tarbija mwielda mejta u saru jafu li aktarx ma jkunux jistgħu jkollhom aktar tfal.

Kien imbagħad li l-koppja daru għall-interċessjoni ta’ San Piju u, fil-proċess, bdew jitgħalmu aktar dwar ħajtu.

Lamonarca qal li tgħallem dwar “is-sempliċità u l-umiltà” ta’ San Pio.

Biex tfakkar l-10 anniversarju tagħha, il-Fondazzjoni Saint Pio fl-Istati Uniti fid-29 ta’ April se toħroġ 10 ritratti ta’ Padre Pio li qatt ma dehru.. Ritratt: Korteżija tal-Fondazzjoni San Pio

Qal li tant ħass rabta mal-patri qaddis li ried jgħin biex iwassal l-istorja u l-messaġġ tiegħu lil kemm jista’ jkun nies – speċjalment fl-Istati Uniti – u għalhekk waqqaf il-Fondazzjoni San Pio.

Illum Lamonarca u martu jgħixu fl-Istati Uniti ma’ binhom, Sebastian, li twieled is-sena wara li Lamonarca waqqaf il-fondazzjoni. Bħala Taljan li jgħix fl-Istati Uniti, huwa passjonat dwar it-tisħiħ tar-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi f’isem San Pio.

Minbarra l-ħruġ tar-ritratti kollha biex tiċċelebra l-10 anniversarju tagħha, il-fondazzjoni pproduċiet ukoll dokumentarju dwar Padre Pio, li se tixxandar fuq EWTN aktar tard din is-sena f’Settembru.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

LURA GĦALL-FAĊĊATA