Nhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Settembru, l-Oratorju tal-MSSP f’Birkirkara se jorganizza velja fl-okkażżjoni tal-Festa Tal-Eżaltazzjoni Tas-Salib fis-7pm.
Il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes tiċċelebra żewġ ġrajjiet storiċi: is-sejba tas-Salib Veru minn Sant’Elena, omm l-Imperatur Kostantinu, fis-sena 320 taħt it-tempju ta’ Venere f’Ġerusalemm, u d-dedikazzjoni fl-335 tal-bażilika mibnija fuq il-Kalvarju minn Kostantinu, li jimmarka s-sit tal-Kurċifissjoni.
Il-bażilika, imsejħa l-Martyrium, u s-santwarju, imsejjaħ il-Kalvarju, inqerdu mill-Persjani fis-sena 614. Il-Knisja tas-Santu sepulkru li issa tinsab fuq il-post inbniet mill-kruċjati fl-1149.
Madankollu l-festa, aktar minn kull ħaġa oħra, hija ċelebrazzjoni u kommemorazzjoni tal-akbar ħidma ta’ Alla: il-mewt salvifika tiegħu fuq is-Salib u l-Qawmien Tiegħu, li permezz tagħha l-mewt ġiet megħluba u nfetħu l-bibien tas-Sema.
Għal din l-okkażżjoni, l-Oratorju sejjaħ lil pubbliku jikkontempla fuq silta mill-ewwel ittra lil Korintin:
“Meta jiena wasalt għandkom, l-aħwa, ma ġejtx inħabbrilkom il-Misteru ta’ Alla bi kliem kbir jew għaref. Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u ’l dan imsallab. U jiena ġejt għandkom dgħajjef, imbażża’ u mriegħed; il-kelma u l-predikazzjoni tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi tal-għerf, imma bil-wiri tal-Ispirtu u l-qawwa, sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa ta’ Alla.” (1 Kor 2:1-5)