F’dan il-jum, San Ġwanni Pawlu II ikkonsagra d-dinja għall-Ħniena Divina

Walter Sanchez Silva via ACI Prensa

Illum jaħbat anniversarju ieħor mill-konsagrazzjoni solenni tad-dinja lill-Ħniena Divina, li saret mill-Papa San Ġwanni Pawlu II fis-17 ta’ Awwissu 2002 fil-Polonja.

Din saret wara l-konsagrazzjoni tas-Santwarju Dinji tal-Ħniena Divina fil-belt ta’ Lagiewniki, fil-periferija ta’ Krakovja.

Il-post jinsab qrib ħafna tal-kunvent fejn mietet Santa Fawstina Kowalska, l-Appostlu tal-Ħniena Divina li lilu Ġesù feda t-tixrid ta’ din id-devozzjoni.

Konsagrazzjoni lill-Ħniena Divina

Fl-omelija tiegħu fil-Quddiesa li ppreseda fis-17 ta’ Awwissu 2002, Ġwanni Pawlu II qal li għamel il-konsagrazzjoni “b’xewqa li l-messaġġ tal-imħabba ħanina ta’ Alla, imħabbra hawn permezz ta’ Santa Fawstina, jasal għand l-abitanti kollha tal-art u jimlew qalbhom bit-tama.”

“Jalla titwettaq il-wegħda soda tal-Mulej Ġesù: minn hawn trid tiġi ‘x-xrara li tħejji lid-dinja għall-miġja finali tiegħu’,” saħaq imbagħad il-Papa.

Il-Papa pellegrin saħaq ukoll li “jeħtieġ li dan in-nar tal-ħniena jiġi trasmess lid-dinja. Fil-ħniena ta’ Alla d-dinja ssib il-paċi, u l-bniedem il-hena.”

“Jien nafda dan il-kompitu lilkom, għeżież ħuti, lill-Knisja fi Krakovja u l-Polonja, u lid-devoti kollha tal-ħniena divina li ġejjin mill-Polonja u minn madwar id-dinja. Kunu xhieda tal-ħniena!” ħeġġeġ.

Divine Mercy ta’ Eugeniusz Kazimirowski, 1934. Ritratt: Wikimedia Commons

Talba tal-konsagrazzjoni

Alla, Missier ħanin,
inti rrivelajt l-imħabba tiegħek f’Ibnek Ġesù Kristu
u ferrajtha fuqna fl-Ispirtu s-Santu;
nafdaw lilek illum id-destin tad-dinja u ta’ kull bniedem.

Dur lejna l-midinbin;
fejjaq id-dgħufija tagħna;
egħleb kull ħażen; agħmel li l-abitanti kollha tad-dinja
jesperjenzaw il-ħniena tiegħek,
sabiex fik, Alla wieħed,
jistgħu dejjem isibu s-sors tat-tama.

Missier Etern, permezz tal-passjoni u l-qawmien ta’ Ibnek,
ħu ħniena minna u mad-dinja kollha.

Ammen

Ritratt: Il-Papa Ġwanni Pawlu II jiċċelebra Quddiesa fl-1994. L’Osservatore Romano via Catholic News Agency

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ispagnol jappartjeni lill-Catholic News Agency. Dan l-artiklu kien ippubblikat oriġinarjament fuq ACI Prensa.

LURA GĦALL-FAĊĊATA