Francesca Pollio Fenton via Catholic News Agency
L-intenzjoni tat-talb tal-Papa Franġisku għax-xahar ta’ Settembru hija għall-għajta tad-Dinja.
“Ejjew nitolbu għall-għajta tad-Dinja,” ħeġġeġ il-Papa Franġisku lill-fidili f’filmat maħruġ fit-30 ta’ Awwissu.
“Kieku nieħdu t-temperatura tal-pjaneta, tgħidilna li d-Dinja għandha d-deni; li hija marida bħal kull min hu marid,” qal.
Is-Santu Missier talab lill-individwi biex jikkunsidraw żewġ mistoqsijiet: “Qed nisimgħu dan l-uġigħ? Nisimgħu l-uġigħ tal-miljuni ta’ vittmi ta’ katastrofi ambjentali?”
“L-aktar li jbatu mill-konsegwenzi ta’ dawn id-diżastri huma l-foqra, dawk li huma mġiegħla jitilqu minn djarhom minħabba għargħar, mewġ ta’ sħana, jew nixfa,” qal il-Papa.
“Ir-riżultati tal-kriżi ambjentali kkawżata mill-bnedmin, bħat-tibdil fil-klima, it-tniġġis, jew it-telf tal-bijodiversità, jitolbu reazzjonijiet li mhumiex biss ekoloġiċi iżda wkoll soċjali, ekonomiċi u politiċi.”
Il-Papa enfasizza l-ħtieġa li “nimpenjaw ruħna fil-ġlieda kontra l-faqar u l-ħarsien tan-natura, billi nibdlu d-drawwiet personali u komunitarji tagħna”.
Il-Papa Franġisku temm b’talba: “Ejjew nitolbu biex kull wieħed minna jisma’ b’qalbna l-għajta tad-Dinja u tal-vittmi tad-diżastri ambjentali u t-tibdil fil-klima, billi nieħdu impenn personali biex nieħdu ħsieb id-dinja li ngħixu fiha”.
Il-vidjow tat-talb tal-Papa Franġisku huwa promoss min-Netwerk Dinji ta’ Talb tal-Papa, li jqajjem kuxjenza dwar l-intenzjonijiet tat-talb papali ta’ kull xahar.
Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.