Dawn huma l-patroċinji ta’ San Ġużepp, missier adottiv ta’ Ġesù

Diego López Marina via Catholic News Agency / ACI Prensa

Fid-19 ta’ Marzu li ġej tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Ġużepp, li fiha r-raġel ta’ Marija Bambina u missier adottiv ta’ Ġesù jiġi rikonoxxut ukoll f’ħafna komunitajiet Kattoliċi għall-patroċinji li ġew mgħotija lilu.

Patrun tal-Knisja Kattolika

L-intern tal-Basilika ta’ San Pietru l-Vatikan. Ritratt: Dominju pubbliku

Wara l-Verġni Marija, l-ebda qaddis ma rċieva daqstant rikonoxximent fil-Knisja Kattolika daqs San Ġużepp. Fit-8 ta’ Diċembru, 1870, il-Papa Piju IX, permezz tad-digriet Quemadmodum Deus, ipproklamah bħala l-Patrun tal-Knisja Kattolika.

Id-digriet jgħid hekk: “Peress li f’dawn iż-żminijiet koroh il-Knisja hija attakkata minn kull naħa mill-għedewwa tagħha u hija maħkuma minn diżastri tant serji li l-ħżiena donnhom fetħu fuqha l-bibien tal-infern, l-isqfijiet venerabbli tad-dinja Kattolika kollha, f’isimhom u f’dak tal-fidili fdati lilhom, talbu lill-Vatikan biex dan iwaqqaf lil San Ġużepp bħala patrun tal-knisja”.

It-test kompla jgħid li l-Papa Piju IX, “imqanqal mill-qagħda ta’ niket ta’ dawn iż-żminijiet biex ipoġġi lilu nnifsu u l-fidili kollha taħt il-patroċinju qawwi tal-patrijarka qaddis Ġużeppi, ried jissodisfa l-wegħdiet tal-isqfijiet u solennement iddikjarah Patrun tal-Knisja Kattolika”.

Patrun tal-ħaddiema

San Ġużepp huwa l-patrun tal-ħaddiema kollha. Ritratt: Wikimedia Commons

Fl-2020, il-Papa Franġisku nnota li aspett li jikkaratterizza lil San Ġużepp u li ilu enfasizzat minn żmien l-ewwel enċiklika soċjali tal-1891, ir-Rerum novarum tal-Papa Leo XIII, hija r-relazzjoni tiegħu max-xogħol. Snin wara, fl-1955, il-Papa Piju XII waqqaf il-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem fil-preżenza ta’ grupp ta’ ħaddiema miġbura fi Pjazza San Pietru.

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ San Ġużepp Ħaddiem issir mal-Jum Internazzjonali tal-Ħaddiema, iċċelebrat f’ħafna pajjiżi fl-1 ta’ Mejju.

“San Ġużepp kien mastrudaxxa li ħadem b’onestà biex jassigura l-appoġġ tal-familja tiegħu. Minnu Ġesù tgħallem il-kuraġġ, id-dinjità u l-ferħ ta’ xi jfisser li tiekol il-ħobż li hu frott ix-xogħol tiegħu stess,” fakkar il-Papa Franġisku.

Patrun tal-mewt tajba

San Ġużepp waqt mewtu, fejn attendew il-Verġni Marija u Ġesù Kristu. Inċiżjoni ta’ A. Bannerman, 1766, wara pittura attribwita lil D. Velasquez. Ritratt: Wellcome Collection/Dominju pubbliku

It-tradizzjoni Nisranija trażmettiet li San Ġużepp huwa interċessur speċjalment fil-ħin tal-mewt, li jipprovdi faraġ u għajnuna lil min ikun fuq is-sodda tal-mewt.

Il-Katekiżmu jgħid li l-Knisja “tħeġġiġna biex inħejju għas-siegħa tal-mewt tagħna”.

L-Isqof ta’ Orihuela-Alicante, Mons. José Ignacio Munilla, spjega fl-2021 li dan il-patroċinju huwa bbażat fuq il-fatt li “San Ġużepp kellu l-ferħ, il-glorja, li jmut waqt li kien f’idejn Ġesù u Marija. Kienu ħdejha, fis-sodda tal-mewt tiegħu”. Għalhekk, irrimarka li l-qaddis jgħallimna biex immutu hekk, fil-kumpanija ta’ Ġesù u Marija.

Patrun tal-familji

Il-familja mqaddsa: Ritratt: Dominju pubbliku

San Ġużepp huwa invokat mill-Kattoliċi bħala l-protettur tal-familji u bħala eżempju ta’ missier u raġel fidil. F’ħafna djar jitolbu lil San Ġużepp biex jiksbu l-interċessjoni tiegħu fl-affarijiet tal-familja u jsaħħaħ ir-rabtiet tal-membri tagħhom.

Ir-raġuni għal dan il-patroċinju hija li, fil-pjan tiegħu, Alla l-Missier fda lil Ġużeppi bl-iktar “biċċa xogħol” importanti fl-istorja tal-bniedem: li jkun parti mill-Familja Mqaddsa.

Patrun tal-ġenituri

San Ġużepp huwa meqjus bħala mudell ta’ paternità. Ritratt: Dominju pubbliku

San Ġużepp huwa ukoll meqjus bħala mudell ta’ paternità u spiss jintalab jgħin biex jipproteġi u jiggwida lill-ġenituri fil-kura u l-edukazzjoni ta’ uliedhom.

Fl-eżortazzjoni appostolika Redemptoris Custos, San Ġwanni Pawlu II jispjega dan il-patroċinju billi jikteb li l-paternità ta’ San Ġużepp “esprimiet lila nnifisa b’mod konkret ‘billi għamlet ħajtu waħda ta’ servizz u sagrifiċċju għall-misteru tal-Inkarnazzjoni.”

Patrun tal-immigranti

Dgħajsa ġġorr migranti fil-Mediterran fid-29 ta’ Lulju, 2016. Ritratt: Wikimedia Commons

Minħabba l-esperjenza tiegħu bħala migrant fl-Eġittu, San Ġużepp huwa meqjum bħala patrun tal-immigranti u għalhekk huwa mitlub għall-protezzjoni u l-għajnuna tiegħu. Fl-2020, il-Papa Franġisku indika li l-missier adottiv ta’ Ġesù huwa qaddis patrun speċjali “għal dawk kollha li jkollhom iħallu arthom minħabba l-gwerra, il-mibegħda, il-persekuzzjoni u l-miżerja.”

Il-papa spjega dan il-patroċinju b’dan il-mod: “L-Evanġelju ma jagħti ebda informazzjoni dwar iż-żmien meta Marija, Ġużeppi u l-Bambin baqgħu fl-Eġittu. Madankollu, dak li hu minnu hu li kellhom bżonn jieklu, isibu dar, xogħol (…). Is-Sagra Familja kellha tiffaċċja problemi speċifiċi bħall-familji l-oħra kollha, bħal ħafna minn ħutna migranti li anke llum jissograw ħajjithom sfurzati mill-avversitajiet u l-ġuħ”.

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ispagnol jappartjeni lill-Catholic News Agency. Dan l-artiklu kien ippubblikat oriġinarjament fuq ACI Prensa.

LURA GĦALL-FAĊĊATA